Tlett irġiel indarbu gravi filwaqt li mara ħelsitha ħafif wara li kienu involuti f’argument f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-tmienja nieqes kwart fi Triq ix-Xatt, f’Tas-Sliema.
Fuq il-post waslu l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit kif ukoll Pulizija ta d-Distrett fejn sabu argument fis-seħħ bejn erba’ persuni Żvediżi u xi persuni oħra mhux magħrufa.
Mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li l-persuni involuti huma tlett irġiel ta’ 26, 27 u 29 sena, kif ukoll mara ta’ 48 sena, kollha Żvediżi, residenti Ħal Qormi.
Fuq il-post issejħu ambulanzi li ħadu lill-erba’ Żvediżi l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn l-irġiel ġew iċċertifikati li qegħdin isofru minn ġrieħi gravi filwaqt li l-mara sofriet ġrieħi ħfief.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja bil-Magistrat Dr Claire Stafrace Zammit fethet Inkjesta Magisterjali rigward dan il-każ.