Erba’ persuni weġġgħu wara ħabta bejn vann u trakk fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat, Għawdex.
Il-ħabta seħħet fis-2:30pm, u fiha kienu involuti vann misjuq minn raġel ta’ 23 sena minn Wied il-Għajn u trakk misjuq minn raġel ta’ 34 sena minn San Lawrenz.
Fil-vann, kien hemm ukoll erba’ nisa Ingliżi li l-età tagħhom tvarja bejn 53 u 60 sena.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza
ħadet lill-passiġġieri l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, waħda ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li l-oħrajn ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Iż-żewġ xufiera ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Fl-inċident intlaqtu wkoll karozza u żewġ muturi li kienu pparkjati.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratt: Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili