Omar Djelassi ta’ 25 sena li joqgħod Bormla, Muhammed Milal Ali ta’ 19-il sena, oħtu Miyem Milal Ali ta’ 20 sena u Jessica Muscat ta’ 28 sena lkoll joqgħodu Ħaż-Żabbar inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti l-Erbgħa filgħodu mixlija b’serq f’Ħaż-Żabbar u Bormla.
Huwa wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-Qorti, ipperseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-Ispettur Lydon Zammit, qal li l-Pulizija kienet qed tinvestiga numru ta’ rapporti ta’ serq vjolenti f’Ħaż-Żabbar u Bormla. L-allegat serq seħħ matul dan ix-xahar.
L-ewwel żewġ każijiet seħħew fl-14 ta’ Frar. L-ewwel vittma hija xufier tat-taxi u allegatament inżammet kontra l-volontà tagħha fil-karozza stess, filwaqt li l-kont tar-Revolut tagħha tbattal. It-tieni każ seħħ aktar tard, meta mara oħra allegatament spiċċat vittma tal-grupp waqt li kienet qed issuq f’Ħaż-Żabbar.
It-tielet inċident seħħ fil-lejl ta’ tliet ijiem ilu meta ħaddiem li jqassam l-ikel allegatament spiċċa msawwat u misruq minn żewġt irġiel. Il-ħaddiem kellu l-kard tar-Revolut misruqa wkoll u li minnha saru xi trasferimenti ta’ amonti kbar ta’ flus.
L-avukati difensuri, f’dan l-istadju, ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.