Dalgħodu fil-Palazz ta’ Sant’Anton, żewġ nisa u żewġt irġiel ħadu l-ġurament ta’ Maġistrati ġodda quddiem il-President ta’ Malta Dr George Vella.
L-erba’ Maġistrati ġodda huma Dr Noel Bartolo, Dr Leonard Caruana, Dr Lara Lanfranco u Dr Elaine Mercieca.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, il-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti, l-Avukat tal-Istat Dr Christopher Soler u l-qraba tal-Maġistrati l-ġodda.
Dawn il-Maġistrati nħatru wara sejħa pubblika u wara li ġew mgħarbla mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, presedut mill-Prim Imħallef.
Dan il-Kumitat skrutinja l-applikanti u ssuġġerixxa lista tal-aktar kandidati idonji lill-President ta’ Malta u dan għażel min minnhom għandu jinħatar bħala Maġistrat.
Waħda mir-riformi Kostituzzjonali ewlenin li twettqu fl-aħħar sena kienet tinkludi r-riforma fil-metodu tal-ħatra ta’ Imħallfin u Maġistrati ġodda.
Dan huwa proċess indipendenti mill-Gvern u differenti minn dak li kien isir qabel, fosthom fi żmien Gvern Nazzjonalista, fejn il-Prim Ministru kien jaqbad u direttament jagħżel hu lil min jaħtar ġudikant.
Ftit tal-ġimgħat ilu wkoll, il-President ta’ Malta ħatar erba’ Imħallfin ġodda bl-istess proċess ta’ sejħa pubblika.