Joel Falzon, ta’ 27 sena, it-tfajla tiegħu Danica Cilia, ta’ 25 sena, ħuha Sylvan Cilia, ta’ 23 sena, u l-ħabib tagħhom Paul Farrugia, ta’ 31 sena, skansaw sentenza ta’ ħabs wara li nstabu ħatja li ħarqu vann fil-Mellieħa u ħarbu minn fuq il-post bil-karozza tal-vittma tat-tip Mercedes.
Il-pulizija rċevew rapporti dwar karozza li kienet qed taqbad fi Triq Selmun, iżda meta l-uffiċjali waslu fuq il-post lemħu l-karozza Mercedes titlaq minn fuq il-post.
Is-sewwieq tal-karozza twaqqaf wara operazzjoni twila bil-karozzi, u ġew arrestati s-suspettati kollha.
Meta tressqu l-Qorti, ġew mixlija li taw in-nar lil vann, li serqu karozza, u li għamlu ħsara fuq proprjetà ta’ terzi, fost l-oħrajn. L-imputati wieġbu li huma ħatja għal xi akkużi filwaqt li ċaħdu oħrajn.
L-avukati tad-difiża nnotaw li l-aħwa, flimkien mal-akkużat Falzon, kellhom bżonn ta’ għajnuna psikoloġika minħabba diffikultajiet li kienu qed jaffaċċjaw minħabba r-relazzjoni li kien hemm bejn sid il-vann u omm l-aħwa.
Fil-fatt, waqt is-smigħ tal-kawża, ħareġ biċ-ċar mill-evidenza li l-grupp ta’ akkużati kienu ppjanaw biex il-vann jagħtuh in-nar bħala tpattija.
Qabel tat is-sentenza tagħha, il-Maġistrat Gabriella Vella tat ħarsa lejn rapporti ta’ uffiċjali tal-probation li fihom kien hemm diversi rakkomandazzjonijiet. Falzon ingħata mitejn siegħa ta’ xogħol fil-komunità u projbizzjoni ta’ tliet xhur mis-sewqan.
Danica Cilia ngħatat sentenza ta’ sentejn probation u ordni ta’ trattament filwaqt li ħuha ngħata ordni simili għal tliet snin sħaħ.
Intant, Farrugia ngħata mitt siegħa ta’ xogħol fil-komunità u ngħata ordni ta’ trattament għal sentejn biex jgħinuh jindirizza problemi personali.
Dan filwaqt li l-akkużati kollha ġew ordnati biex iħallsu ftit anqas minn elfejn ewro fi spejjeż tal-Qorti.