F’Washington DC fl-Amerka, erba’ persuni jinsabu f’qagħda kritika wara li ntlaqtu minn sajjetta viċin tal-White House.
Uffiċjali mid-Dipartiment tat-Tifi tan-Nar qalu li ż-żewġt irġiel u żewġ nisa kienu fi ġnien magħruf bħala Lafayette Park meta nqabdu f’maltempata vjolenti u ntlaqtu mis-sajjetta.
Minħabba li dan il-ġnien jinsab fil-viċinanzi tal-White House, propju fejn joqgħod il-President Amerikan Joe Biden, membri tas-servizzi sigrieta kienu minn tal-ewwel biex jassistu lill-vittmi.
Huwa mifhum li l-vittmi kienu qrib ta’ siġra meta dawn intlaqtu mis-sajjetta.
L-identità tal-vittmi għadha ma ġietx konfermata.