Erba’ persuni ġew arrestati, b’suspett ta’ allegat traffikar ta’ droga.
Il-Ħamis filgħodu, l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, waqt li kienu ilhom diversi ġimgħat jgħassu garaxx fi Triq il-Buffula l-Ħamra fil-Mosta, bdew isegwu l-movimenti ta’ żewġ persuni li kienu ġo karozza.
Wara xi ħin, din il-karozza waqfet, biż-żewġ persuni, raġel ta’ 46 sena residenti l-Mosta u Russa ta’ 22 sena residenti s-Siġġiewi, niżlu mill-karozza u daħlu fil-garaxx.
Il-Pulizija daħlu fil-garaxx fejn hemmhekk sabu raġel ta’ 36 sena residenti l-Mosta maġenb karozza li kienet ipparkkjata fil-garaxx.
Waqt li t-tliet persuni ġew arrestati, saret tfittxija fil post u fil-karozza nstabu ħames pakketti kbar b’sustanza allegatament droga kannabis. Irriżulta li b’kollox kien hemm ħames kili.
Fil-post, instabu wkoll mal-għaxar t’elef ewro fi flus kontanti u affarijiet oħra relatati ma’ allegat bejgħ ta’ droga.
Il-Pulizija arrestat ukoll mara ta’ 58 sena li tgħix f’residenza li hija parti mill-garaxx u li fil-karozza tagħha nstabet id-droga.
F’din l-operazzjoni l-Pulizija elevat diversi karozzi lussużi.
Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech li qed tmexxi inkjesta.