Erba’ persuni ġew arrestati wara diversi rejds li twettqu mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga.
Fi stqarrija aktar kmieni llum il-Pulizija spjegat li wara tfittxija li saret f’dar privata f’Santa Luċija, li waqtha nstabu ħamsin pakkett b’sustanza suspettata droga kokaina u oġġetti oħra relatati mal-użu u t-traffikar tad-droga, ġiet arrestata mara ta’ tmienja u erbgħin sena, li mistennija titressaq il-Qorti għada.
Aktar tard, il-Pulizija arrestat mara oħra ta’ disgħa u erbgħin sena mill-Imsida, wara li nstabilha sustanza suspettata droga kannabis f’pakkett li waslilha minn barra minn Malta, u li l-Pulizija kienet ilha ssegwi. Wara li saret tfittxija fid-dar tal-mara, instabet aktar droga allegatament kannabis.
F’każ separat, ġew arrestati ġuvni ta’ wieħed u għoxrin sena mill-Ħamrun u tfajla ta’ dsatax-il sena minn Ħaż-Żabbar wara li nqabdu fil-pussess ta’ droga suspettata kannabis. Dawn ġew arrestati f’lukanda f’San Ġiljan wara li l-Pulizija daħlitilha informazzjoni li hawnhekk kien qed isir abbuż mid-droga.
L-investigazzjonijiet kollha għadhom għaddejjin.
Ritratti: Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)