L-aroma tal-ifjen ikel minn madwar id-dinja se tiddomina lill-belt siekta tal-Imdina bejn l-Erbgħa u l-Ħadd, meta tittella’ edizzjoni oħra tal-Festival Malti tal-Ikel Internazzjonali.
Esperjenza unika għall-industrija kulinari f’Malta biex dawk li għandhom għal qalbhom it-tisjir; jesebixxu, isajru u jippromwovu l-prodott tagħhom f’atmosfera unika.
Taħt saqaf wieħed fil-Foss tal-Imdina, se jkun hemm madwar mitejn platt minn għoxrin kċina minn pajjiżi differenti b’ikel imħejji minn tmenin kok Malti u barrani.
Fost dawn hemm it-taqsima tal-għaġin, b’mod partikolari r-ravjul, fejn huwa stmat li f’dawn il-ħamest ijiem se jitħ xejn inqas minn erba’ mitt tużżana ravjul imħejjija mill-kok Daniel Mangion. Ravjul li jmur lil’hinn minn dak tradizzjonali tal-irkotta bit-tursin.
“Il-Malti dejjem jaf ir-ravjul tal-irkotta bit-tursin biss aħna dejjem nippruvaw immorru the next level. Fost ir-ravjul għandna tal-wild boar, pear and gorgonzola, sundried tomatoes, walnuts, jiġifieri dejjem nippruvaw nitgħallmu biex l-għażla tagħna tkun waħda attraenti għall-pubbliku.”
F’wieħed mill-ħwienet tal-merċa ewlenin f’pajjiżna, il-kok żagħżugħ spjega li fis-sitta ta’ filgħodu diġà jkunu qed jagħġnu flimkien l-ingredjenti biex jibdew isajru, u għalkemm il-proċess jista’ jidher faċli, huwa twil u jitlob ħafna ħsieb.
“Tara li l-produce huwa dejjem frisk, kuljum nippruvaw immorru dejjem il-markets jew insibu supplier li jagħtina local produce, bħala ingredjenti nippruvaw nużaw prodotti Maltin għax għandna prodotti tajbin ħafna, imbagħad everything comes together u ssibu r-ravjul.”
Din hija t-tieni esperjenza għal Daniel Mangion f’dan il-festival, li fissru bħala esperjenza unika għalih ukoll.
“Nieħu pjaċir inkellimhom, għandi taħlita fejn kienu ideat tal-pubbliku qaluli isma għaliex ma tippruvax hekk jew hekk? Why not? Anything is possible.”
Għal dan il-festival – li huwa msejjes fuq miżuri ambjentali u ta’ riċiklaġġ – mistennija jattendu mal-ħamsa u tletin elf ruħ.