Is-sena d-dieħla, il-Gvern se jinvesti erba’ miljun ewro kull xahar għas-settur tad-diżabilità.
Waqt l-estimi finanzjarji tal-Budget għall-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, il-Ministru Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar ix-xogħol li sar fil-qasam tul din l-aħħar sena u elenkat il-proġetti maħsuba għas-sena d-dieħla.
Fuq kollox, saħqet li l-aċċessibilità tolqot lil kulħadd, mhux biss lil min twieled b’diżabilità: “Tolqot lil ħafna familji, eluf ta’ Maltin u Għawdxin, li meta l-anzjani tagħna, il-mobilità tagħhom tibda tonqos naqra naqra, hemmhekk nibdew immissu ma’ din ir-realtà u tkun an eye opener. Għandna jkollna kuxjenza mhux meta tiġri l-ħaġa, imma anki li min m’għandux diżabilità ma jkunx differenti u indifferenti.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima tkellem fuq l-importanza tal-isport u s-settur tal-volontarjat.
Tkellem ukoll dwar iż-żgħażagħ, li jiffurmaw kwart tal-popolazzjoni tagħna, u l-importanza li jkollhom l-għodda meħtieġa biex jisfruttaw il-potenzjal tagħhom: “Iż-żgħażagħ tagħna llum f’pandemija jgħidulek, u dan mhux jien qed ngħidu imma studji, li finanzjarjament marru aħjar u aktar minn qatt qabel fl-istorja ta’ pajjiżna, għandek żgħażagħ li jħossuhom komdi jiftħu negozju. Allura din hija xhieda jekk qatt kien hemm bżonn, li ż-żgħażagħ tagħna jħossu fiduċja fihom.”
Id-Deputat Laburista, Anthony Agius Decelis qal li għal Gvern Laburista, kulħadd huwa importanti, u f’budget wara l-ieħor, ġew iddedikati flus u miżuri biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Semma l-persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol u d-diversi skemi li saru tul is-snin biex jgħinuhom fil-ħajja ta’ kuljum, anki lil qrabathom.
Infatti, il-qraba kienu limitati biex ikomplu b’ħajjithom imma issa qed jiġu offruti diversi għajnuniet biex persuni b’diżabilità jkollhom servizz ta’ respite fl-istess ħin li jingħata nifs lil qrabathom.
Huwa semma każ ta’ koppja li qed igawdu minn dawn is-servizzi: “Wara għaxar snin, qalulna ħriġna nieħdu kafè għall-ewwel darba jiena u r-raġel għax ma stajniex nibqgħu ngħixu ħajjitna għax dejjem konna ninkwetaw fejn ħa nħallu lill-maħbub tagħna meta aħna ma nkunux qed nieħdu ħsiebu u dak is-servizz li ħloqna.”