B’investiment ta’ €4 miljun se jsir xogħol ta’ tisbiħ u ristrutturar fl-iskola primarja ta’ Ħal Għaxaq.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fil-bitħa tal-iskola stess, fejn fakkret ukoll fil-kullana ta’ investimenti u proġetti li qed isiru f’bosta skejjel, fosthom f’Santa Luċija u l-iskola tal-Arti fl-Belt.
Hija qalet, “L-investiment fl-iskejjel hu parti importanti mill-ħidma kollha. Qed niffokaw fuq l-edukaturi imma anke li noffru ambjent modern u adattat għaliex fl-aħħar mill-aħħar jekk ma tagħtix ir-riżorsi, ma nilħqux il-miri li għandna l-għan li nilħqu.”
L-iskola primarja f’Ħal Għaxaq diġà tilqa’ mal-ħames mitt tifel u tifla fi ħdanha kuljum. Grazzi għal dan il-proġett, issa dawn se jkollhom fost oħrajn klassijiet aktar komdi u laboratorji tal-ogħla kwalità.
Il-Ministru Caruana qalet li dawn l-investimenti kollha jsaħħu l-viżjoni li għandu l-Gvern għal edukazzjoni wiesgħa kemm jista’ jkun, li tagħti ambjent sigur u mill-isbaħ lill-edukaturi u lit-tfal.
Hija sostniet: “Il-prijorità hija t-tfal. Li dawn jiġu fi skejjel adattati għalihom, mgħammra sew u ta’ komfort ukoll, u li fuq kollox jieħdu gost jattendu.”
Il-konferenza kienet indirzzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Neville Young u mis-Sindku ta’ Ħal Għaxaq Darren Abela.