Ilbieraħ għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija seħħet ħabta fil-Marsa By pass, Marsa.
Il-ħabta head-on seħħet bejn karozza tat-tip Kia Pride u oħra tal-għamla Toyota Yaris, wara li l-vettura Kia qabżet is-central strip u ħabtet mal-vettura Toyota li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni opposta.
Il-vettura tal-għamla Kia, li kienet qed tinstaq f’direzzjoni lejn il-Marsa stess kienet misjuqa minn ġuvni ta’ 19-il sena residenti Birkirkara u flimkien miegħu kien hemm żewġ ġuvintur oħra, li lkoll għandhom 19-il sena u residenti Birkirkara. Il-vettura l-oħra kienet misjuqa minn mara ta’ 33 sena residenti Kerċem, Għawdex.
Il-persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza sabiex jiġu kkurati għall-ġrieħi li sofrew u iktar tard wieħed mill-ġuvintur li kien jinstab riekeb passiġġier fil-vettura Kia ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt. Il-persuni l-oħra involuti sofrew ġrieħi ħfief.
Il-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.