Erbat irġiel Maltin ġew arrestati mill-Pulizija waqt operazzjoni ta’ sorveljanza b’rabta ma’ traffikar tad-droga fil-venda tal-karozzi tal-linja fil-Belt.
Wara tfittxija li saret mill-Pulizija, fil-pussess ta’ dawn l-irġiel instabu 45 qartas ta’ sustanza suspettata droga kannabis sintetika, allegatament lesti biex jiġu ttraffikati.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li l-erbat irġiel huma: raġel ta’ 53 sena minn Birżebbuġa, ieħor ta’ 54 sena minn Wied il-Għajn, ieħor ta’ 55 sena mill-Marsa u ieħor ta’ 56 sena minn Ħal Tarxien.
L-erbat irġiel qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.