Il-Kunsilli Lokali tal-Furjana, ta’ Ta’ Xbiex, ta’ Ħal Tarxien u tal-Pietà, li huma meqjusa bħala urbani se jgawdu bejniethom minn fond ta’ madwar tlett mitt elf ewro sabiex isaħħu s-servizzi tagħhom għar-residenti.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien l-Argotti, fejn ġie spjegat li dawn huma parti minn proġett ta’ miljun u mitejn elf ewro għall-Kunsilli Lokali mill-Fondi Norveġiżi.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera spjega kif dawn il-fondi huma mmirati wkoll għall-qasam soċjali fl-irħula.
Il-Ministru Herrera stqarr, “L-iskop wara dawn il-fondi huma soċjali, għandek fondi li jistgħu jkunu ambjentali u kulturali, dawn huma soċjali u l-aktar li jibbenefikaw minnhom huma dawk il-kunsilli urbani u dawk li huma vulnerabbli.”
Il-Kunsill Lokali tal-Furjana se jibni Ċentru għall-Anzjani u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien se jibni Ċentru ta’ Reach Out li ser ikun qed iservi sabiex jingħata tagħlim dwar artiġjanat, korsijiet tal-informatika, korsijiet akkademiċi, kif ukoll eżerċizzji fiżiċi.
Min-naħa l-oħra l-Kunsill Lokali Tal-Pietà se jiżviluppa ċ-Ċentru tal-Komunità sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali.
Filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex se jpoġġi Smart Bins mal-promenade.
Il-fondi se jkompru tmienja u ħamsin fil-mija ta’ kull proġett.
Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza ta’ proġetti simili, hekk kif minnhom mhux biss se jgawdu l-kunsilli iżda wkoll ir-residenti u għaqdiet f’dawn l-irħula.
“Dawn huma mezz ieħor ta’ kif inkomplu nagħmlu investiment b’risq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies verament inkomplu nikkonfermaw kemm dawn huwa Gvern għan-nies”, sostna s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi.