Huma erba’ l-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u ġimgħat wara li sar magħruf li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn Kap ġdid kien biss deputat wieħed mill-grupp parlamentari li tefa’ ismu.
Fil-fatt baqa’ biss Chris Said l-uniku deputat li tefa’ ismu biex imexxi l-Partit Nazzjonalista, b’deputati oħra bħal Claudio Grech u Marthese Portelli jagħmluha ċara li kienu mħeġġa u ma kienux lesti jikkontestaw.
Roberta Metsola baqgħet tirrifjuta sal-aħħar u f’mument ta’ pressjoni biex titfa’ l-kandidatura tagħha Roberta Metsola tefgħet ritratt mat-tarbija tagħha fuq facebook u indikat li trid tiffoka l-isforzi tagħha hemm.
Fil-fatt is-sorpriża ma kinetx Roberta Metsola iżda Frank Portelli, l-eks deputat u president tal-partit nazzjonalista li fl-aħħar ġurnata iddeċieda li jkun parti minn din it-tellieqa għal kap.
Kif mistenni tefa’ n-nomina tiegħu Alex Perici Calascione li f’konferenza tal-aħbarijiet spikka għal mod kif ħarab milli jwieġeb dwar suġġetti importanti.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Naħdmu, Nwettqu, Nikkonvinċu, l-avukat Perici Calascione qal li ma kienx elett fl-aħħar elezzjoni ġenerali għax il-kandidatura tiegħu ħabtet mal-ħidma tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jagħmel kampanja elettorali li tkun iffinanzjata b’mod tajjeb.
Meta mistoqsi xi rwol se jkollha d-deputat Marlene Farrugia f’Partit Nazzjonalista mmexxi minnu, Perici Calascione qal li wieħed għad irid jara u din hi diskussjoni interna li trid issir mill-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku.
Biex sal-aħħar tal-konferenza tal-aħbarijiet tiegħu baqa’ ma kienx ċar x’tip ta’ koalizzjoni jew kollaborazzjoni jrid hu.
Bħal Adrian Delia li tefa n-nomina fl-ewwel jum hu wkoll mhux deputat Perici Calascione qal li għaddejin diskussjonijiet biex xi ħadd iċedilu s-siġġu parlamentari jekk ikun elett hu. Iżda, qal li mhux etiku jikkummenta fuqu.