Minn tal-inqas erba’ persuni mietu, filwaqt li aktar minn 300 persuna ndarbu wara li waqgħet stand li kienu fuqha, waqt li kienu qed isegwu ġlieda tal-barrin, fiċ-ċentru tal-Kolombja.
Filmati li qed jixxandru fuq il-mezzi soċjali juru l-mument li fih waqgħet il-pjattaforma tal-injam b’għoli ta’ tliet sulari.
Dan l-hekk imsejjaħ spettaklu huwa parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festival San Pedro, fejn matulu nies mill-pubbliku jieħdu sehem fi sfida mal-barrin.
Il-President uxxenti tal-Kolombja qal li se tinfetaħ investigazzjoni, filwaqt il-President elett ħeġġeġ lill-uffiċjali lokali biex iwaqqfu dawn l-avvenimenti u oħrajn simili li jinvolvu l-mewt ta’ nies jew annimali.
Huwa żied jgħid li l-inċident tal-bieraħ ma kienx l-uniku wieħed fl-aħħar ġimgħat.