Erba’ ġuvintur Franċiżi li għandhom bejn it-tmintax u l-wieħed u għoxrin sena ġew mixlija b’diversi serqiet ta’ karozzi.
Huma tressqu l-Qorti l-Ħadd waranofsinhar fejn il-Prosekuzzjoni spjegat li jumejn ilu l-Pulizija ġew infurmati mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li kumpanija tal-karozzi tal-kiri qalet li nsterqitilha karozza.
Il-kumpanija tal-karozzi qalet li kull karozza kellha fiha tracking device u għalhekk setgħu jkunu jafu fejn qiegħda l-karozza.
Il-Pulizija traċċat il-karozza u sabet li qiegħda viċin ta’ lukanda fil-Gżira. Minn hemmekk il-Pulizija marret mil-ewwel fuq il-post u sabet il-karozza barra l-lukanda b’diversi daqqiet.
Intqal li receptionist tal-lukanda spjegat li l-karozza kienet ta’ erba’ ġuvintur li bdew joqgħodu hemm stess u ftit tal-ħin wara ġew arrestati hekk kif instabu reqdin.
Waqt l-interrogazzjoni ħareġ li fit-8 ta’ Jannar għall-ħabta tal-għaxra ta’ bil-lejl, l-akkużati marru East Park, post fejn jinżammu l-karozzi għall-kiri viċi l-Ajruport u serqu karozza minn hemmekk.
Fid-disgħa ta’ Jannar huma serqu karozza oħra mill-istess post. Fl-istess waqt bdew jippruvaw jisirqu vetturi oħra però ma rnexxilhomx.
Dakinhar stess huma allegatament għamlu wkoll hit and run fil-Gżira, għalhekk il-karozza nstabet kollha daqqiet.
Il-Prosekuzzjoni ppreżentat diversi dokumenti fosthom ċitazzjonijiet li qalgħu l-imputati waqt li bdew isuqu.
Yacine Leo Nizar Hilal u Sofiane Bouhafa wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Intant Said Bouhafa u Mouhamed Salim Soumah wieġbu ħatja għall-akkużi.
Fil-konfront taż-żewġ persuni li wieġbu ħatja, il-Prosekuzzjoni qalet li minħabba li dawn it-tnejn għandhom akkużi differenti mit-tnejn l-oħra għaliex ma kienux huma li saqu l-karozzi b’mod perikoluż, kien hemm qbil mad-Difiża li l-piena m’għandhiex tkun waħda ta’ priġunerija.
Għalhekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo kkundannat lill-imputati sentejn priġunerija kull wieħed jekk jerġgħu jagħmlu xi tip ta’ reat f’dawn l-erba’ snin li ġejjin.
Sadanittant, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront tal-imputati li wieġbu mhux ħatja. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li dawn iż-żewġ imputati m’għandhom l-ebda rabta ma’ Malta. Ġie spjegat ukoll li fil-ġimgħa li dawn għamlu Malta, għamlu ħerba u għalhekk huma ta’ periklu għas-soċjetà.
F’dan l-istadju l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.