Qorti Russa kkundannat erba’ ġurnalisti għal ħames snin u nofs ħabs kull wieħed b’akkużi ta’ estremiżmu għax ħadmu għall-grupp kontra l-korruzzjoni mwaqqaf mill-eks kap tal-oppożizzjoni Alexei Navalny.
Antonina Favorskaya, Kostantin Gabov, Sergey Karelin u Artyom Kriger instabu ħatja ta’ involviment ma’ grupp li kien identifikat bħala ‘estremista’.
L-erba’ akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi u argumentaw li kienu qed jiġu ppersegwetati għax għamlu xogħolhom bħala ġurnalisti.
Favorskaya u Kriger kienu jaħdmu ma’ SotaVision, stazzjon indipendenti tal-midja Russa li jirrapporta protesti u ġurijiet politiċi. Gabov kien produttur freelance li ħadem għal ħafna organizzazzjonijiet inkluż Reuters u Karelin kien vidjo ġurnalista freelance li għamel xogħol għal djar tal-midja tal-Punent inkluż The Associated Press.
L-erba’ ġurnalisti kienu akkużati li ħadmu mal-Fondazzjoni ta’ Navalny għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni li kienet iddikjarata bħala estremista u ddikjarata llegali fl-2021 f’mossa li ħafna rawha bħala waħda politikament motivata.
Navalny kien l-akbar u l-aktar avversarju feroċi ta’ Putin u kien jimmilita bla waqfien kontra l-korruzzjoni uffiċjali fir-Russja. Huwa kien miet fi Frar 2024 waqt li kien qed iservi sentenza ta’ 19-il sena ħabs f’kolonja ta’ detenzjoni fl-Artiku fuq numru ta’ akkużi fosthom li kien imexxi grupp estremista, li dejjem ċaħad bħala akkuża politikament motivata.
Filfatt Favorskaya, waqt li kienet qed tixhed fil-qorti, qalet li hi kienet qed tiġi ppersegwitata minħabba storja li kitbet dwar l-abbuż li sofra Navalny waqt li kien il-ħabs u għaliex għenet biex torganizza l-funeral tiegħu.
Gabov qal li l-akkużi kontrih kienu bla bażi u li l-prosekuzzjoni ma rnexxiliex tipprovahom. Min naħa tiegħu Karelin qal li kien hemm xi intervisti ma’ nies fit-triq għal kanal ta’ YouTube mwaqqaf minn assoċjati ta’ Navalny għax ried imantni lil martu u ibnu. Huwa saħaq li dan il-kanal ma kienx wieħed iddikjarat estremista u għalhekk ma għamel xejn illegali.
Ħafna nies preżenti fil-qorti bdew iċapċpu u jkantaw b’appoġġ favur l-erba’ ġurnalisti hekk kif dawn inħarġu barra mill-awla wara l-verdett. Il-ġuri sar bil-bibien magħluqa.
L-avukati tagħhom qalu li kienu se jappellaw mis-sentenza li ddiskrivewha bħala illegali u inġusta bil-grupp Russu għad-drittijiet tal-bniedem ‘Memorial’ jgħid li dawn kien erbgħa priġunieri politiċi oħra mal-aktar minn 900 miżmuma fil-pajjiż.