Żewġ kumpaniji u żewġ konsorzji, meqjusa ġganti fid-dinja tal-infrastruttura, tefgħu l-offerta fl-ewwel fażi tal-proċess fil-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Din il-parti tal-proċess se twassal biex eventwalment tingħata l-konċessjoni għall-proġett, u min jeħodha, se jiddisinja, jibni, iħallas, jopera u jmantni l-proġett li b’mina ta’ 14-il kilometru, jgħaqqad b’mod permanenti liż-żewġ gżejjer.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, spjega li l-erba’ offerti ġew minn kumpaniji infrastrutturali kbar mill-kontinent Ewropew u dak Ażjatiku, fosthom mill-Italja, it-Turkija, Franza, iċ-Ċina, l-Olanda u l-Ġappun.
Il-Ministru Ian Borg spjega: “Il-fatt li għandek ġganti tal-infrastruttura li ġew Malta u lesti li jinvestu proprju f’dan iż-żmien partikolari, dik hija turija ta’ fiduċja f’pajjiżna u naħseb li fiż-żmien li ġej, waqt li nkomplu nevalwaw dan il-proġett, irridu nżommu l-ottimiżmu li pajjiżna anki wara li għadda minn dan il-mewġ, se jkun b’saħħtu kif kien qabel dħalna fih.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi, spjega li min daħal għall-proġett kellu diversi kriterji x’jissodisfa, fosthom li jkun wettaq proġetti simili fil-passat.
Hu qal: “Il-proċess li jmiss huwa li naraw u nevalwaw li dawk l-erbgħa li tefgħu l-offerta llum, jekk jissodisfawx il-kriterji tagħna. Kriterji finanzjarji, fejn tidħol il-health and safety, fejn jidħol l-ambjent, allura once li aħna mbagħad naraw liem minn dawn l-erbgħa, jissodisfa dawn il-kriterji, jimxi għat-tieni fażi.”
Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-Kumitat tal-Evalwazzjoni se jkun qed jevalwa dawn l-erba’ offerti mill-qrib.
“Dawn il-bidders li jkunu successful jingħataw iċ-ċans li jitfgħu l-offerta finali, it-tielet fażi, offerta fejn ikun hemm ukoll apparti disinn dettaljat u anki disinn tekniku, ikun hemm ukoll l-offerta finanzjarja”, sostna is-Sur Azzopardi.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-interess internazzjonali fil-proġett, u qal kif din il-mina se toffri ħafna vantaġġi għall-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu kuljum biex imorru għax-xogħol.
Qal li dan il-proġett se jkun l-ikbar proġett infrastrutturali f’Malta u f’Għawdex, u mistenni joffri serħan il-moħħ lill-investituri li jridu jinvestu fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Għamilna passi ta’ ġgant, mid-diskors issa għaddejna għall-fatti, u proprju qegħdin naraw kumpaniji internazzjonali minn diversi pajjiżi li huma interessati li jibnu dan it-tunnel u aħna issa nħarsu ’l quddiem sabiex narawh isir fil-verità b’mod fattwali u l-ħolma ta’ diversi Għawdxin issir realtà.”