Erba’ festivals ġibdu lejhom 37,000 ruħ u ħallew mas-€27 miljun ta’ valur miżjud fl-ekonomija Maltija.
Dan sostnieh l-ekonomista rispettat Gordon Cordina meta kien qed jitkellem quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li qed jgħarbel il-kontijiet tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għas-sena 2018.
L-ekonomista tkellem fuq festivals organizzati f’pajjiżna sentejn ilu fejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tat maż-żewġ miljun ewro f’għajnuna biex dawn il-festivals jiġbdu eluf ta’ turisti u jġibu l-miljuni ta’ ewro fl-ekonomija Maltija.
Is-Sur Cordina spjega: “Issa hawn hekk qegħdin naraw erba’ festivals illi bejniethom l-istima kienet li jattiraw sebgħa u tletin elf ruħ u li ħallew spiża diretta fil-pajjiż ta’ ftit inqas minn tletin miljun ewro.”
Gordon Cordina saħaq li festivals bħal Lost & Found, li jattiraw lejhom turisti żgħażagħ huma importanti hekk kif pajjiżna jrid ukoll jiġbed iżjed turisti ta’ età iżgħar filwaqt li niċeċ differenti jeħtieġu kampanji differenti ta’ reklamar.
Huwa sostna: “Irridu niddistingwu ħafna bejn dak it-turist illi jiġi għal xogħol għax kif tafu biżżejjed aktar minni anki min jiġi hawn, anki jagħmel tliet ijiem xogħol u jitlaq, dak huwa turist. Allavolja ġie hawn biex jaħdem imma xorta qed iħalli impatt fuq l-ekonomija tagħna. It-turisti li qed jiġu għall-konferenzi, hemm it-turisti li qed jiġu għall-avvenimenti speċjali, hemm it-turisti li qed jiġu għall-weekend, hemm it-turisti li qed jiġu għall-ambjent u dawn ħaqqhom marketing efforts differenti.”