Erba’ carers ġew sospiżi mill-Amministrazzjoni tar-residenza ta’ San Vinċenz De Paul dwar żewġ każijiet separati ta’ allegat użu eċċessiv ta’ forza fuq żewġ pazjenti.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Anzjanita Attiva, fejn intqal li nfetħet investigazzjoni interna dwar dawn iż-żewġ każijiet separati.
F’din l-istqarrija ntqal li dwar dawn il-każijiet ġie infurmat ukoll il-Kummissarju għall-Anzjani, il-Professur Godfrey LaFerla.
Filwaqt li l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela faħħar il-ħafna xogħol tajjeb li jsir minn għadd ta’ ħaddiema b’risq l-anzjani, huwa kkundanna bla riservi aġir vjolenti u ordna li l-każijiet inkwistjoni jkunu mistħarrġa biex wieħed jistabbilixxi l-fatti u jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.