Erba’ barranin nżammu arrestati wara li l-Ħadd heddew, żammew, ferew u serqu minn fuq numru ta’ persuni fosthom anzjan fl-inħawi tal-ġnien li jinsab bejn tal-Pietà u Sa Maison.
L-Ispettur Lydon Zammit mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri spjega li l-irġiel ġew iddentifikati mill-vittmi tagħhom stess li għamlu rapport lill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit li nzertaw għaddejjin waqt ronda fl-inħawi.
Mal-ewwel rapport il-Pulizija iddentifikat tnejn mill-allegat agressuri u arrestathom fuq il-post. Ftit tal-ħin wara ġie ddentifikat raġel ieħor li wkoll ġie arrestat mill-Pulizija. L-ispettur Zammit spjega li l-arrestati ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ. Kompla jispjega li minn hawn ħareġ li maż-żewġt irġiel kien hemm persuna oħra, li ġiet iddentifikata u arrestata ftit tal-ħin wara. Il-Pulizija spjegaw li l-oġġetti u l-flus misruqa m’eċċedewx il-valur ta’ €2,300.
Mill-istħarriġ tal-Pulizija rriżulta wkoll li tlieta mill-imputati allegatament kienu serqu persuna barranija fl-Imsida ftit tal-jiem qabel ġew arrestati.
L-erba’ rġiel mgħejjuna minn avukati tal-għajnuna legali qalu fil-Qorti li huma ma jaħdmux u tlieta minnhom qalu li m’għandhomx fejn jgħixu. Ilkoll wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Minħabba li l-irġiel m’għandhomx indirizz fiss u minħabba li baqa’ x-xhieda ta’ persuni pajżana, d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.