Membri ta’ grupp kriminali ntbagħtu l-ħabs għal aktar minn ħames snin u nofs kull wieħed wara li nstabu ħatja ta’ sensiela ta’ serq minn residenzi f’għadd ta’ lokalitajiet fl-2021.
Zaza Sasania ta’ 50 sena, Luka Mikadze ta’ 45 sena, Zurabi Ratiani ta’ 43 sena u Tengizi Giorgadze ta’ 40 sena, ilkoll mill-Georgia, ġew ikkundannati mill-Maġistrat Elaine Rizzo għal ħames snin u nofs priġunerija u ordnati jħallsu ’l fuq minn €2,500 fi spejjeż.
Huma nstabu ħatja ta’ 21 akkuża, inkluż li kienu parti minn organizzazzjoni kriminali u li kkawżaw ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.
L-irġiel kienu tressqu l-Qorti lura f’Marzu tal-2021 fejn ċaħdu l-akkużi, għalkemm biddlu l-pożizzjoni u spiċċaw ammettew ħtijiethom fit-8 ta’ Novembru li għadda.
Fis-sentenza tagħhom, il-Maġistrat innotat li r-reati kienu aggravati u b’hekk kien jistħoqqilhom sentenza ta’ priġunerija.
L-Ispetturi Joseph Mercieca, Saviour Baldacchino u Cristina Delia mexxew il-Prosekuzzjoni, waqt li l-Avukat Noel Bianco deher għall-akkużati.