Erba’ persuni ġew arrestati waqt ħidma konġunta bejn diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija, b’rabta ma’ grupp ta’ kriminalità organizzata, allegatament involuti fi traffikar ta’ droga u ħasil tal-flus.
Wara informazzjoni li waslet għand il-Pulizija dwar allegat bejgħ tad-droga li kienet se ssir ilbieraħ, minn kmieni filgħodu bdiet osservazzjoni fuq vettura li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 40 sena residenti l-Pietà.
Wara xi ħin, il-pulizija ċċirkondaw il-vettura fi Triq Oscar Zammit, l-Imsida. Minn tfittxija li saret fil-vettura nstabu 102 kapsuli b’sustanza suspettata kokaina, kif ukoll ponn tal-ħadid.
It-tfittxija kompliet f’ħanut tal-istess raġel fi Triq Nicolò Isouard, il-Marsa. Hemmhekk instabu 14-il kapsola oħra, b’sustanza suspettata li hija wkoll kokaina. L-ammont ta’ allegat droga kokaina misjuba tammonta għal ftit inqas minn 1.2 kilo, b’valur fit-triq ta’ madwar €95,000.
Fl-istess ħanut fil-Marsa, ġie arrestat żagħżugħ ta’ 21 sena residenti l-Marsa, li fil-pussess tiegħu nstabu oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kif ukoll numru ta’ pakketti allegatament kannabis sabiex jinbiegħu.
Fl-istess waqt li kien qiegħed isir l-arrest fl-Imsida, il-Pulizija ċċirkondaw residenza fi Triq id-Duluri, Pietà, fejn ġew arrestati żewġt irġiel ta’ 29 sena u 56 sena. Minn tfittxijiet illi saru fir-residenza l-Pulizija sabet aktar sustanza suspettata kokaina, miżien, pistola u munizzjon u numru ta’ mobiles, kif ukoll oġġetti oħra relatati ma’ allegat traffikar ta’ droga.
Waqt it-tfittxijiet f’dawn il-postijiet, il-Pulizija elevat madwar €15,000 fi flus kontanti, ħwejjeġ tad-ditta u ammont ta’ ġojjellerija.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marse-Ann Farrugia LL.D qiegħda tmexxi inkjesta. L-erba’ persuni qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija il-Floriana, waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.