Episodju tas-serje televiżiv Amerikan ‘The Bachelor’, li nġibed f’Malta, kiseb popolarità kbira, bi kważi sitt miljun telespettatur fi tlett ijiem.
Dan is-serje bi produzzjoni ta’ Warner Brothers flimkien ma’ Warner Horizon, huwa bbażat fuq raġel li jiltaqa’ ma’ diversi nisa bil-għan li potenzjalment isib il-mara li jrid iqatta’ l-kumplament ta’ ħajtu magħha.
F’episodju partikolari li xxandar fit-12 ta’ Frar li għadda, il-produtturi ddeċidew li jagħmluh f’Malta biex juru l-kultura rikka li għandna f’pajjiżna. F’dan l-episodju jidhru mumenti fl-isfond ta’ xeni pittoreski f’Malta, popolari mat-turisti, fosthom il-Barrakka ta’ Fuq u l-Imdina.
Fi tlett ijiem biss, dan l-episodju rawh ħamsa miljunin u disa’ mitt elf ruħ; disgħa fil-mija iktar mill-udjenza tal-episodju tal-ġimgħa ta’ qabel.
Joey, il-protagonist tas-serje din is-sena qatta’ ġurnata f’Malta jduq l-ikel tradizzjonali Malti, jilgħab il-logħob u jara l-arkitettura. Fxena partikolari jidħol ukoll fi knisja fejn tkellem ma’ qassis li offra diversi pariri dwar ir-relazzjonijiet.
Bħala parti mill-logħob li kellhom jieħdu sehem fihom bħala grupp, il-parteċipanti ta’ The Bachelor telgħu l-Forti Manoel, li nbena mill-Kavallieri fis-seklu 18 u li ntuża fis-serje grandjuż Game of Thrones. Il-konestanti libsu kostumi ta’ kavallieri. Fost is-sensiela ta’ sfidi uniċi kien hemm ukoll il-kukkanja – logħba tradizzjonali Maltija.
Dan l-episodju miġbud f’Malta ma ssarrafx biss f’ekonomija iktar b’saħħitha f’pajjiżna, imma laħħaq pjattaforma b’udjenzi internazzjonali fosthom mill-Kanada, minn New Zealand, mir-Renju Unit, mill-Korea, mill-Vjetnam, minn Franza, mill-Italja u mit-Tajlandja.