Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Epic qalet li se tkun qed tniedi l-immodernizzar nazzjonali tal-mobile network, b’investiment ta’ €40 miljun.
Fi stqarrija din il-kumpanija qalet li dan l-investiment mhux biss se jkabbar u jsaħħaħ il-mobile network tal-Epic, iżda se jwitti t-triq biex il-kumpanija tibda tipprovdi s-servizz tal-5G f’Malta.
Il-kumpanija stqarret ukoll li hi ffirmat sħubija fit-tul mal-Ericsson biex tkun tista’ tipprovdi s-servizz tal-5G f’Malta.
L-Epic qalet li dan għaliex din il-kumpanija multinazzjonali Żvediża tat-telekomunikazzjoni ġiet magħżula biex tforni r-radio access network (RAN) għal Epic fil-proġett ta’ mmodernizzar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Epic Tamas Banyai qal li l-kumpanija qed tinvesti bis-sħiħ bil-għan li tagħti lill-klijenti tagħha l-aqwa servizzi.
Saħaq li l-mira ewlenija tal-kumpanija hija li ssir qabża fil-kwalità ta’ network li tipprovdi din il-kumpanija.
Banyai fisser li l-proġett ta’ mmodernizzar se jkun qed iwassal għal koperatura akbar u veloċità akbar, filwaqt li se jwassal biex il-klijenti tal-Epic biex ikollhom aċċess għall-5G.
Huwa sostna li jinsabu kuntenti ħafna li wara proċess rigoruż biex jintgħażel is-sieħeb teknoloġiku tal-Epic.
Issa l-kumpanija qed tagħti sehemha fl-evoluzzjoni tan-network, li ssaħħaħ il-futur diġitali ta’ Malta u tgħin lill-konsumaturi u n-negozji Maltin jilħqu l-massimu tal-potenzjal tagħhom.
Din l-aħbar tal-proġett ta’ mmodernizzar tan-network ta’ Epic ġiet wara li reċentement tħabbret is-sħubija tal-kumpanija ma’ Phoenix Tower International (PTI), li qed tgħin lil Epic tkabbar il-ħidma tagħha ta’ investiment fin-network u s-servizzi diġitali.