Il-Ħadd li ġej, il-pubbliku Malti speċjalment dawk li għandhom għal qalbhom id-dinja tal-films, huwa mistieden jattendi għal Open Day li se tkun organizzata għall-ewwel darba fil-Malta Film Studios fil-Forti Rikażoli, fil-Kalkara.
Il-qofol ta’ din l-attività bla dubju ħa jkun is-sett li fih qiegħed jinġibed il-blockbuster Gladiator 2, fejn kull min se jkun qed jgħaddi l-ġurnata ma’ tal-Films se jkollu esperjenza fuq is-sett u ħa jkun jista jarah mill-qrib, li fost oħrajn iħaddan fih replika tal-Kolossew.
Sadanittant il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech żaru l-aħħar tħejjijiet. One News ltaqa’ mal-Kummissarju tal-Films li stqarr magħna kif diġà jinħass entużjażmu kbir għal din l-okkażjoni unika.
“Din hija opportunità ta’ darba għall-familji Maltin u Għawdxin biex jaraw mill-qrib l-industrija tal-films kif topera. Se jaraw is-settijiet ta’ Gladiator, se tkun ukoll opportunità biex jisimgħu l-istejjer u l-esperjenzi ta’ dawk in-nies kollha li jaħdmu fil-films. Id-dħul huwa b’xejn mit-tmienja sal-ħamsa ġol-Forti Rikasoli u l-Malta Film Studios.”
Johann Grech – Kummissarju tal-Films
Grech saħaq mal-mikrofonu ta’ One News li din l-opportunità ta’ darba, mhux ta’ min jitlifha.
“L-għan prinċipali tagħna huwa li nżidu l-għarfien f’din l-Industija tal-Films li hija għall-qalbna u rridu aktar nies jingħaqdu magħna. L-Industrija tal-Films kibret u se tkompli tikber. Allura parti minn din l-attivita hija biex il-poplu Malti u Għawdxi jiltaqa magħna u nħarrġuhom u nagħtuhom aktar informazzjoni dwar kif l-industrija tal-films qed toħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol għall-Maltin u L-Għawdxin.”
Johann Grech – Kummissarju tal-Films