Il-Malta Labour Migration Policy, li għadha kemm tnediet għall-konsultazzjoni pubblika, se ġġib aktar kwalità fis-suq tax-xogħol lokali, waqt li awtomatikament se twassal biex jiżdied il-livell tal-ħiliet tal-ħaddiema.
Din kienet il-fehma ta’ żewġ entitajiet governattivi li ta’ kuljum jaħdmu mal-qasam u l-involviment ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi, li mhumiex mill-Unjoni Ewropea, u li din il-politika nazzjonali ġdida hi mmirata lejhom, iżda mhux biss.
Fil-fatt, kif diġà ġie rrapportat, il-politika se ġġib aktar stabbiltà u drittijiet għall-ħaddiema kollha, mhux l-inqas il-Maltin u l-Għawdxin.
ONE News tkellem mal-Kapijiet Eżekuttivi ta’ JobsPlus u Identità li, fl-ewwel fehmiet tagħhom, taw ħarsa ta’ xi jfisser dan kollu għall-ħaddiema kollha.
Steve Agius, Kap Eżekuttiv ta’ Identità, jemmen li, mill-esperjenza tagħhom, din il-policy se tkun qed tirrivoluzzjona s-suq tax-xogħol b’mod ġenerali.
“Din il-policy, fil-fatt, jiena nqisha bħala game changer fl-industrija tax-xogħol u l-impatt, li se tħalli mhux sempliċiment wieħed fuq l-ekonomija, imma wkoll se tħalli mpatt pożittiv fuq il-ħaddiema li jiġu Malta kif ukoll fuq is-soċjetà. Aħna nkunu ċerti li l-impatt fuq l-ekosistema jkun wieħed mkejjel u nkunu ċerti li l-miżuri li qed nimplimentaw ikunu kollha ta’ vantaġġ għas-soċjetà.”
Steve Aagius, Kap Eżekuttiv, Identita’
Hu spjega li l-Gvern fehem li din ir-realtà wkoll qed titlob ċerti bidliet biex pajjiżna jassigura l-kwalità u l-kontroll assolut ta’ min jiġi f’pajjiżna.
Bħala waħda mill-entità governattivi li jridu jimxu b’konformità mal-viżjoni tal-Gvern, Agius jemmen li l-Malta Labour Migration Policy tibni fuq inizjattivi oħrajn, li ttieħdu fl-aħħar xhur biex tiġi assigurata l-kwalità f’dak li jaspira għalih il-pajjiż.
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus, Celia Falzon, qalet li s-suq tax-xogħol lokali, fejn l-akbar riżorsa li għandna huma l-ħaddiema nfushom, jiddependi mill-ħiliet tagħhom u hu, għalhekk, li, min-naħa tagħhom, qed joffru diversi servizzi biex jgħollu l-livell.
Falzon semmiet li, minbarra għadd ta’ taħriġ min-naħa tagħhom, hawn ħafna opportunitajiet fejn il-kumpaniji u n-negozji jistgħu jħarrġu lill-impjegati tagħhom.
Hu, għalhekk, li qed jaraw li, b’din il-politika, dan kollu se jkun qed jissaħħaħ aktar.
“F’din il-politika qed naraw li dejjem nagħmlu sforz akbar biex insaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema kemm Maltin u dawk li jiġu minn barra, dawk li għandna bżonn, għax aktar ma jkollhom ħiliet il-ħaddiem, aktar ikun produttiv u aktar tajjeb għall-ġid tal-pajjiż.”
Celia Falzon, Kap Eżekuttiv, Jobsplus