Qabel jaqbad triqtu għall-Kunsill Ewropew li jibda għada, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-membri tal-MEUSAC biex magħhom jiddiskuti s-sitwazzjoni Brexit.
Hawn sostna li minkejja l-isfidi, pajjiżna għandu x’jiggwadanja mhux b’antagoniżmu billi jipprova jisraq ix-xogħol minn ħalq ir-Renju Unit, imma f’kollaborazzjoni miegħu.
Filfatt żied jgħid li numru ta’ entitajiet Brittaniċi diġà kkuntattjaw lill-Gvern Malti biex jaħdmu ma’ Malta.
Dawn l-opportunitajiet, tenna l-Prim Ministru, jeżistu għax kumpaniji fir-Renju Unit se jkollhom bżonn bażi fl-Ewropa, u pajjiżna jista’ jservi għal dan.
Huwa tenna li rridu nirrispettaw id-deċiżjoni li ttieħdet fir-Referendum, minkejja l-isfidi li dan jista’ jġib, u rridu ninnutaw għaliex il-poplu vvota hekk.