Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret it-twaqqif tal-entità Aquatic Resources Malta b’investiment ta’ €1 miljun kif allokat fil-Baġit għas-sena 2024.
Permezz ta’ fondi Ewropej, din se tkun qed tinvesti €10 miljun fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ġodda biex tingħata spinta kbira lis-setturi lokali tas-sajd u l-akkwakultura.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu, Dr Bugeja Said stqarret li Aquatic Resources Malta se tiġbor ir-riċerka u l-prattika taħt saqaf wieħed, filwaqt li se tgħin lill-Gvern iwessa’ t-tagħrif tiegħu dwar dak li qed jiġri fl-ibħra tagħna, kemm mil-lat ekoloġiku kif ukoll minn dak soċjo-ekonomiku.
Hi qalet li tali inizjattivi jgħinuna nsostnu l-istokk tal-ħut eżistenti fl-ibħra lokali, filwaqt li nassiguraw settur tas-sajd aktar sostenibbli ekonomikament u ambjentalment.
Dan hekk kif is-settur tas-sajd u l-akkwakultura għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir tal-blue economy f’pajjiżna.
Qalet, “Nemmen li Malta bħala l-gżira mdawra bil-baħar għandna bżonn aktar riċerka dwar l-istokk tal-ħut, dwar kif nistgħu nisfruttaw anke l-potenzjal tal-akkwakultura. Aħna bħala pajjiż diġà rnexxielna nfaqqsu l-Awrat, l-Ispnott u l-Aċċol. Qegħdin naħdmu anke fuq ir-rizzi u rridu naraw li, iva, nassiguraw is-sostenibbiltà tal-istokk tal-ħut tagħna u anke nassiguraw is-sigurtà tal-ikel.”
Dr Bugeja Said saħqet kif, permezz ta’ entità bħal din, se jitkabbar aktar għarfien u aktar speċi fis-suq, waqt li se jsir aktar investiment fix-xjenzati lokali u jiġu attirati dawk rinomati internazzjonalment fi proġetti ta’ dan it-tip.
Opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni bħal dawn huma wkoll kruċjali fid-dawl tal-investiment li qed nattiraw għaż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ pajjiżna, inkluż bit-twaqqif ta’ fish farms ġodda u opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi.
Ix-xjenzat speċjalizzat fl-akkwakultura, Robert Vassallo Agius, stqarr kif entità bħal din hi ferm importanti f’pajjiżna għal aktar investimenti biex is-sajd u l-akkwakultura jimxu ’l quddiem.
Qal, “Il-ħtieġa ta’ din l-aġenzija hi li nkunu nistgħu niffokaw iżjed fuq riċerka tal-akkwakultura u tas-sajd. B’din l-entità nkunu iżjed flessibbli, noffru flessibbiltà u nkunu nistgħu noffru wkoll, pereżempju, kundizzjonijiet aħjar għal min ikun xjenzat jew tekniku f’dan il-qasam.”