Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ħabbar it-twaqqif ta’ aġenzija ġdida għall-Irkupru tar-riżorsi u Riċiklaġġ.
F’konferenza tal-aħbarijiet, huwa qal li l-aġenzija se taħdem id f’id mal-Wasteserv.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija l-ġdida Mark Muscat qal l l-aġenzija se taħdem qatigħ biex jiżdied ir-riċiklaġġ f’pajjiżna.
“Din l-aġenzija se tkun qiegħda hemm biex tkompli tinbotta l-efforts li qed jagħmel il-Gvern biex inżidu u ntejbu il-waste management”
L-Inġinier Muscat saħaq li waħda mill-ħidmiet tal-Aġenzija ser tkun li sa tmiem is-sena tidħol fis-seħħ l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb. Qal li b’din l-iskema ser jiżdied ir-riċiklaġġ b’persentaġġ għoli.
“Għandek ċans tlaħħaq performances għoljin immens in terms of recycling. Jiġifieri fejn aħna qed nitkellmu llum 12 percent tar-riċiklaġġ din twassal għal 90%”
L-importanza ta’ din l-iskema saħaq fuqha wkoll il-Ministru Herrera fejn qal li b’din l-iskema, Malta ser tilħaq il-miri mixtieqa.
“Fi ftit xhur oħra se jkollna l-bottle refund scheme li ser tiġbor il-fliexken kollha tal-plastik, fliexken tal-ħġieġ, u l-laned, għandna skemi oħra in the pipeline li mhux se ngħid x’inhuma llum, u we are on target, jiġifieri konvint li t-targets nilħquhom.”
Il-Ministru Herrera saħaq li l-prattika ta’ rimi li jispiċċa fil-miżbla mhijiex sostenibli. Saħaq li sal-2023 għandu jkollna l-impjant Waste-to-Energy, iżda sostna dan mhux biżżejjed biex jitnaqqas l-użu tal-miżbla.
“Allaħares ma jkollhiex suċċess din l-aġenzija, għaliex jekk ma jkollix suċċess din l-aġenzija u ma jkollux suċċess dan il-Ministeru li jipromwovi wastestream differenti, u m’għandekx ċans li nilħqu t-targets Ewropej”
Hu qal li studju juri li r-rata ta’ rimi ta’ skart fil-miżbla f’Malta hija għolja, filwaqt li r-rata tar-riċiklaġġ hija baxxa u għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jittieħdu miżuri b’saħħithom sabiex jintlaħqu l-miri Ewropej.