Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer inħatar bħala n-negozjatur ewlieni tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi dwar riżoluzzjoni storika li tiddikjara l-Unjoni Ewropea kollha bħala żona ta’ libertà għall-persuni LGBTIQ.
Dan fid-dawl ta’ kontroversji li nqalgħu f’aktar minn mitt muniċipalità madwar il-Polonja, u aktar riċentement fl-Ungerija, fejn dawn il-pajjiżi ddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa “ideoloġija LGBTIQ” b’diskriminazzjoni b’mod partikolari kontra n-nisa, ġenituri li jrabbu waħidhom u familji LGBTIQ.
Il-miżuri fil-Polonja u l-Ungerija qed jitolbu lill-gvernijiet lokali biex iżommu lura milli jappoġġjaw b’kwalunkwe mod persuni LGBTIQ jew jipprovdu kwalunkwe finanzjament lill-għaqdiet mhux governattivi favur id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ.
Engerer qal kif hu ta’ unur u privileġġ li ġie magħżul mis-Soċjalisti għal din il-ħidma storika fejn innota kif dak li kisbet Malta matul dawn l-aħħar snin, issa jrid jiġi estiż mal-kumplament tal-Unjoni Ewropea.