Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer intgħażel mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi biex ikun ir-rappreżentant tagħhom f’missjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil f’Malta, li tiffoka fuq il-migrazzjoni.
Bħala l-unika deputat Ewropew Malti li jagħmel parti mill-Kumitat tal-Migrazzjoni, Engerer ġie magħżul mis-Soċjalisti u Demokratiċi għal din il-missjoni wara li ġie appuntat negozjatur f’isem dan il-grupp, fuq diversi rapporti leġiżlattivi relatati mal-politika tal-migrazzjoni tal-UE – fosthom fuq it-tiġdid reċenti tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet fiċ-Ċentri Miftuħin.
Mal-ħatra tiegħu, Engerer stqarr li l-kriżi fl-Ukrajna wasslet għal dimensjoni ġdida fil-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni.
Engerer qal li, fi sfond ta’ dan il-preċedent, huwa se jappella u jaħdem għall-infurzar permanenti tal-mekkaniżmu tas-solidarjetà, fejn l-proċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil ikun maqsum bejn l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tar-riżorsi li għandhom u mhux tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom.