“L-ambizzjoni ambjentali hija prijorità, iżda soluzzjoni waħda għall-Istati Membri kollha u għal setturi diversi mhux se taħdem.”
Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer waqt laqgħat ta’ konsultazzjoni li kellu mal-Kamra Maltija tal-SMEs u l-Kamra Maltija tal-Kummerċ.
Dawn il-laqgħat saru fid-dawl ta’ proposta riċenti tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent li fost l-oħrajn se tkun qed tbiddel il-mod kif ristoranti, barijiet, ħwienet tal-kafè u lukandi jservu l-ikel u x-xorb.
Engerer sostna li fir-rigward tal-miri ambjentali li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea, kull settur għandu hu nnifsu jidentifika kif se jilħaqhom skont ir-realtajiet tas-settur u tal-pajjiż.
Din il-proposta naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni r-realtijiet differenti madwar l-Ewropa.
L-MPE Engerer kompla jgħid li l-SMEs tagħna u l-konsumaturi tagħna diġà qegħdin taħt pressjoni kbira fid-dawl tar-realtajiet tal-inflazzjoni li ġabet magħha ll-pandemija tal-COVID-19 u l-Gwerra fl-Ukrajna. Sostna li f’din il-klima m’hemmx lok għal obbligi restrittivi żżejjed meta nistgħu niksbu l-istess riżultati billi nsaħħu permezz skemi ta’ riċiklaġġ diġà eżistenti.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mistennija jivvutaw dwar din il-proposta sal-aħħar tas-sena bil-mira ewlenija tkun dik li l-liġi tiġi adottata qabel tmiem il-leġiżlatura Parlamentari fl-2024.
Sadanittant l-MPE Engerer se jkompli jaħdem biex jiżgura li l-prodott finali li joħroġ minn dawn in-negozjati jqis l-interessi tal-Istati Membri ż-żgħar, tac-cittadini u tal-għajxien tan-negozji u l-SMEs tagħna.