“Irridu nwaqqfu minnufih l-esportazzjoni tal-iskart lejn pajjiżi terzi li m’għandhomx il-fakultà li jitrattaw u jirriċiklaw skart bl-istandards bħal ma għandna fl-Ewropa – prattika egoista li fl-aħħar mill-aħħar mhux sostennibbli.”
Hekk qal il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer wara li ssottometta l-pożizzjoni tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq ir-Regolament dwar l-Esportazzjoni tal-Iskart, li bħalissa qiegħed jiġi nnegozzjat fil-Parlament Ewropew.
Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew hija mistennija li tiġi ffinalizzata fix-xhur li ġejjin, biex imbagħad jittieħed vot fuq din il-pożizzjoni wara l-vaganzi tas-sajf.
Il-proposta għal dan ir-regolament ġiet ppublikata f’Novembru li għadda, u tipproponi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-iskart lejn pajjiżi ‘l barra mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazjoni u Żvilupp Ekonomiku,OECD.
Minkejja dan, kienu bosta attivisti tal-ambjent li maqdru din il-proposta, fejn qalu li din ma kinitx ambizzjuża biżżejjed. L-ambjentalisti qiegħdin jipproponu projbizzjoni totali fuq l-esportazzjoni tal-iskart kollu tal-Unjoni Ewropea lejn pajjiżi terzi li m’għandomx l-istess garanzija ambjentali biex jitrattaw l-iskart bl-istess mod, daqs li kieku ġie ttrattat fl-Unjoni Ewropea.
Din hi l-pożizzjoni li mexxa ‘l quddiem il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer.
Filwaqt li nnota l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, Engerer ikkritika l-Kummissjoni Ewropea talli ma kinitx ambizzjuża biżżejjed, speċjalment fuq l-esportazzjoni tal-iskart tal-plastik.
Hu kkonkluda billi qal li għan ieħor importajnti tar-regolament hu li jingħataw poteri ġodda lill-OLAF fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ organizzata fil-qasam tat-trasport tal-iskart.