L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer se jkun qed imexxi n-negozjati dwar att leġislattiv li se jintroduċi sistema biex jiġu verifikati Dikjarazzjonijiet Ambjentali minn kumpaniji li qed joperaw fis-suq Ewropew.
Dan wara li ġie fdat mill-Kumitat għall-Ambjent tal-Parlament Ewropew.
Huwa stqarr li huwa grat għall-opportunità li ngħata, li se tkompli tiġġieled il-Greenwashing madwar l-Ewropa.
Temm jgħid li diversi dikjarazzjonijiet ambjentali li bħalissa huma preżenti fis-suq Ewropew jipprovdu informazzjoni qarrieqa, b’dan qed iwassal għal sitwazzjoni fejn il-konsumaturi Ewropej joħorġu aktar flus f’isem is-sostenibbiltà.
Engerer elenka l-bżonn li jiġi assigurat li l-konsumaturi jingħataw l-għodda kollha meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati filwaqt li l- kumpaniji ġenwini jkollhom ukoll l-għodda biex jiddifferenzjaw ruħhom.
Permezz ta’ din il-ħidma, Engerer se jara li jkunu qed jinħolqu regoli ambizzjużi li jneħħu Green Claims qarrieqa mis-suq Ewropew.
Qal, “50% tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea, li jgħidu prodotti jew servizzi li huma ambjentali jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, skont studju li ħareġ, li qed iqarqu bil-konsumaturi tagħhom. Allura din il-liġi se tkun qed tara li tipproteġi l-konsumaturi u ċ-ċittadini Ewropej minn greenwashing ta’ dawn il-kumpaniji.”
L-MPE Engerer mistenni jippreżenta r-Rapport tiegħu dwar dan l-att leġislattiv fil-jiem li ġejjin u ftit wara jibdew in-negozjati fuq din il-liġi mal-gruppi politiċi l-oħra fi ħdan il-Parlament Ewropew.