“Solidarjeta’ volontarja ma taħdem qatt”, dan qalu l-MPE Laburista Cyrus Engerer waqt li kien qiegħed jitkellem dwar id-dibattitu l-ġdid li ġie miżjud fil-plenarja ta’ din il-ġimgħa dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran. Dan id-dibattitu sar wara li membri tal-Partit Popolari Ewropew riedu li tintwera solidarjeta’ mal-gvern Taljan fil-konfront tas-sitwazzjoni t’emerġenza li ġiet iddikkjarata iżjed kmieni l-ġimgħa l-oħra. Kien il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi li imbagħad talab biex din is-solidarjeta’ ma tintweriex biss mal-Gvern Taljan iżda wkoll ma’ Gvernijiet Mediterranji oħra, bħal Malta, li ilhom is-snin jesperjenzaw din l-istess sitwazzjoni.
L-Ewroparlamentari Engerer saħaq illi r-realtà hi waħda sempliċi. Tkellem fuq kif in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet mill-Unjoni Ewropea f’dan il-konfront ġejjin mill-fatt li ħafna Stati Membri ma jifhmux x’jiġifieri li jridu jsalvaw u jilqgħu l-immigranti li jaslu fuq xtuthom. “Għalihom din ma hiex realtà li jesperjenzaw”, qal Engerer. Huwa spjega kif dawn il-pajjiżi maqtugħin mir-realta’ tal-Mediterran huma l-istess li qed iwaqqfu s-solidarjeta’ ma’ pajjiżi Mediterranji bħal Malta, l-Italja, il-Greċja u Spanja.
“Fl-istituzzjonijiet Ewropej ilna għal dawn l-aħħar tmin snin niddiskutu l-pakkett ta’ liġijiet dwar l-immigrazzjoni”, enfasizza Engerer. Hu għamel referenza għal kif f’kull dibattitu dwar dan is-suġġett tkellem fil-Parlament Ewropew u saħaq li għandu jkun hemm sistema ta’ solidarjeta’ mandatorja bejn l-Istati Membri. “L-ebda pajjiż ma għandu jitħalla waħdu”.. Huwa kompla jgħid illi l-isfida tinsab fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn għandek il-Gvernijiet ta’ numru ta’ pajjiżi qegħdin iwaqqfu dawn il-liġijiet milli jimxu ‘l quddiem. “Ma jistax ikun li dawk il-pajjiżi li sfortunatament m’għandomx ir-realtà tal-imigrazzjoni fuq xtuthom jispiċċaw iweħħlu kollox u ma jgħinux lill-pajjiżi li qed jesperjenzaw l-imigrazzjoni bħal ma nagħmlu aħna fil-Mediterran.”
“L-Ewropa trid taġixxi llum qabel ghada. U dan ma jista’ qatt isir sakemm l-politika tat-tmexxija Ewropea ma tagħmilx l-għażla kuraġġuża u tirrikonoxxi din ir-realta tal-Mediterran”, temm jgħid Engerer.