“Wasal iż-żmien li nbiddlu l-mod kif nitkellmu u naħsbu dwar l-Afrika u, aktar minn hekk, li nibdlu kif inġibu ruħna lejn l-Afrika.” Dan kien il-messaġġ imwassal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo waqt il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Iżvilupp tal-UE li saret fid-29 ta’ Settembru 2020.
F’din il-laqgħa l-Ministru Bartolo sostna fuq l-importanza li tinbena sħubija aktar b’saħħitha u ugwali mal-Afrika u li tikkopera wkoll fuq il-prijoritajiet ewlenin stabbiliti mill-Afrikani nfushom.
Hu rrimarka, “Jeħtieġ li jsir kull sforz biex il-pajjiżi Afrikani jkunu jistgħu joħolqu ġid u impjiegi.”
Id-dibattitu ministerjali ffoka fuq kif l-UE tista’ tissieħeb bl-aħjar mod mal-Afrika fl-irkupru sostenibbli mill-pandemija Covid-19. Huma qablu dwar il-ħtieġa għal sħubija UE-Afrika b’saħħitha u l-ħtieġa għal inizjattivi konġunti, ambizzjużi u konkreti.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo tkellem dwar il-ħtieġa li tintensifika l-ħidma mal-SMEs u l-mikrointrapriżi permezz ta’ skambju tal-ħiliet u l-għarfien biex jinħoloq il-ġid u l-impjiegi fl-Afrika.
Il-Ministri ddiskutew ukoll l-aħħar żviluppi fil-proċess ta’ negozjati bejn l-UE u l-Afrika dwar il-ftehim Post-Cotonou li se jiddefinixxi r-relazzjoni mal-kontinent ġar tal-Ewropa għall-għoxrin sena li ġejjin.