Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) enfasizzat l-importanza ta’ leġiżlazzjoni li tipproteġi lill-individwi u lis-soċjetà mill-hekk imsejħa “terapija ta’ konverżjoni”, li b’mod qarrieqi ssostni li interventi psewdoxjentifiċi jistgħu jbiddlu l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, u l-espressjoni tal-ġeneru ta’ persuna.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni fakkret li Malta pprojbiet “it-terapija ta’ konverżjoni” fl-2016 bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru u l-Espressjoni tal-Ġeneru. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, li jipprojbixxu r-reklamar u t-tixrid tat-“terapija ta’ konverżjoni”, mistennija jissaħħu b’emenda fil-liġi fil-ġimgħat li ġejjin.
Kien proprju bħal-lum ġimgħa meta, fil-Parlament, is-Segretarja Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, ressqet għall-Ewwel Qari l-Abbozz ta’ Liġi sabiex jemendal-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, u l-Espressjoni tal-Ġeneru.
L-emenda tiġbor fiha d-definizzjoni ta’ reklamar u tagħmilha illegali li jsir reklamar li jħajjar persuni jirċievu servizzi qarrieqa bl-iskop li jippruvaw ibiddlu l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu. Barra minn hekk, dawn l-emendi se jgħaddu messaġġ ċar: li mhux aċċettabbli li individwi jgħaddu messaġġi ta’ mibegħda u jpoġġu individwi oħrajn fil-periklu.
Intant, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza affermat li t-“terapija ta’ konverżjoni” m’għandha l-ebda bażi fix-xjenza u hu magħruf li tagħmel ħsara psikoloġika, bħad-dipressjoni u l-ansjetà, lil dawk li jkunu suġġetti għaliha. Din hija speċifikament immirata lejn persuni LGBTIQ, b’mod partikolari individwi vulnerabbli bħal minorenni.
Mhux biss hija ta’ ħsara għall-persuni li fuqhom tiġi pprattikata, iżda tikkontribwixxi wkoll biex ixxered falsitajiet u sterjotipi dwar persuni LGBTIQ fis-soċjetà peress li hija bbażata fuq it-twemmin żbaljat li l-orjentazzjoni sesswali hija xi marda li tista’ tiġi mfejqa permezz ta’ trattament. Il-promozzjoni u l-prattika “tat-terapija ta’ konverżjoni”, għalhekk, twassal għall-istigmatizzazzjoni ta’ persuni LGBTIQ u tfixkel l-inklużjoni sħiħa u ugwali tagħhom fl-isferi kollha tas-soċjetà.
Il-Kummissjoni qalet li, matul dawn l-aħħar snin, Malta għamlet passi sinifikanti ‘l quddiem fir-rikonoxximent tad-dritt għall-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, u l-espressjoni tal-ġeneru. Madankollu, il-prattika u l-promozzjoni tat-“terapija ta’ konverżjoni” għadha teżisti.
Saħqet li hija r-responsabbiltà kemm tal-Istat kif ukoll tas-soċjetà li jiżguraw li l-persuni LGBTIQ jgħixu f’kuntest soċjali sikur ħieles minn prattika ta’ ħsara bbażata kompletament fuq l-omofobija u t-transfobija.