Saqaf ta’ wieħed mill-akbar ġibjuni li għandha l-Korporazzjoni tal-Ilma, b’medda ta’ 6,319-il metru kwadru, ġie trasformat f’faċilità solari li jiġġenera biżejjed enerġija nadifa għal 365 residenza.
L-installazzjoni tinkludi 2,198 pannella fotovoltajka, b’kapaċità totali ta’ megawatt. B’hekk, qed tiġġenera l-elettriku mill-enerġija solari u tnaqqas mal-296,000 kilo ta’ tniġġis tal-karbonju fis-sena.
Dan l-investiment ta’ €1.6 miljun sar b’kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Malta Developers Association.
Fi żjara li għamlet il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, irrimarkat li dan l-investiment se jtejjeb is-sostenibbiltà tal-operat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, filwaqt li tikkontribwixxi biex Malta tilħaq il-miri ambjentali dwar il-klima.
“L-għan tal-kumpanija huwa li tkun net zero fejn jidħol impatt ambjentali, fejn jidħlu l-emissjonijiet, u fejn jidħol ukoll l-emissjonijiet tal-karbonju, u b’dan il-pass li nkomplu nżidu r-rinovabbli flimkien ma’ inizjattivi oħra li qed tagħmel il-kumpanija li hija responsabbli mill-ilma, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, qegħdin naraw li verament din il-korporazzjoni tibqa’ miexja fi triq sostenibbli, sew ambjentalment però anke soċjalment u anke dak ta’ governanza.”
Il-faċilità tal-enerġija mix-xemx f’Ta’ Qali tagħmel parti mill-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex gradwalment tiddekarbonizza l-operat tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, qal li l-Korporazzjoni qed tieħu r-responsabbiltajiet ambjentali tagħha b’serjetà kbira.
“L-għan tagħna huwa li nagħmlu aktar b’inqas, jiġifieri filwaqt li ntejbu l-kwalità tal-ilma, filwaqt li qed inżidu l-produzzjoni, inżidu t-trattament tad-drenaġġ, qed nagħmlu dan b’inqas. B’inqas jiġifieri dan il-cost qed inġibuh bil-leakage management, inqas enerġija biex aħna nagħmlu dan.”
Il-President tal-Malta Developers’ Association, Michael Stivala, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal proġetti ta’ dan it-tip.
“Aktar ma’ jkollna enerġija rinnovabbli, inqas se jkun il-piż fuq il-Gvern, illi jħallas għajnuniet. Aħna, fl-aħħar mill-aħħar, kuntenti b’dan il-proġett u nibqgħu ninkoraġġixxu aktar.”