L-entità Enemalta diġà lestiet 20% tax-xogħlijiet li għandha preparati għas-sena li ġejja.
Ħabbar dan iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, Ryan Fava waqt sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti, fejn ta d-dettalji dwar il-ħidma li għaddejja b’rabta ma’ dawn ix-xogħlijiet f’numru ta’ lokalitajiet, fil-preżenza ta’ rappreżentanti minn Transport Malta u Infrastructure Malta.

Ta’ min ifakkar kif f’medda ta’ sentejn, l-entità għandha allokti investiment ta’ 90 miljun ewro għal dawn ix-xogħlijiet.
L-inġinier Fava qal kif tkompla x-xogħol biex jiżdiedu 60 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art. Dawn il-medium voltage cables ġodda ser ikomplu jsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni f’21 lokalità differenti f’Malta u Għawdex.
Dawn il-konnessjonijiet se jipprovdu lil Enemalta b’aktar konnessjonijiet alternattivi li jgħinu biex tingħata lura l-provvista f’inqas ħin, f’kas li tiżviluppa xi ħsara.
Matul din is-sena Enemalta kkummissjonat 54 substation ġdida, u għamlet xogħol ta’ tisħiħ f’76 substation oħra. Dan it-tisħiħ qabeż sew l-miri li Enemalta kellha għal din is-sena, fejn kien previst li jiġu kkummissjonati 45 substation ġdida.
Ser jkun qiegħed jibda x-xogħol ukoll fuq tkabbir ta’ ċentri tad-distribuzzjoni f’Pembroke u l-Imsida. Ser jibdew ix-xogħlijiet biex tiżdied link ta’ 132 kilovolt bejn il-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġewwa l-Mosta kif ukoll għaddejja l-estensjoni fuq ‘switchgear’ f’wieħed miċ-ċentri tad-distribuzzjoni fil-Marsa.
“Biddilna l-infrastruttura għal webbin system, rajna tisħiħ fit-trasformers, upgrades ta’ substations, substations ġodda, low-voltages feeders ġodda, u bħal ma għamilna matul din is-sena qed inkomplu u għaddejjin bix-xogħlijiet biex nagħmlu tfassil ta’ medja ta’ 60 kilometru ta’ cables.”
Ryan Fava, Chairman Eżekuttiv, Enemalta
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul, innota s-sinerġija sħiħa li hemm bejn l-entitajiet konċernati.
“Qed naraw sabiex innaqqsu kemm jista’ jkun inkonvenjent fuq ir-residenti u anke fuq il-komunità kummerċjali, naraw illi naħdmu kollha flimkien l-entitajiet kollha sabiex it-triq tinqala’ darba u jsiru s-servizzi kollha neċessarji.”
Steve Ellul, Kap Eżekuttiv, IM
Transport Malta wkoll qalet kif l-Awtorità se tkompli taħdem fil-qrib mal-lokalitajiet biex tassigura li l-ħtiġijiet tar-residenti jibqgħu prijorità assoluta, filwaqt li tiżgura sigurtà fit-toroq u kontroll effettiv tat-traffiku matul ix-xogħlijiet li ġejjin.