Stqarrija maħruġa mill-Enemalta spjegat is-sitwazzjoni li l-gżejjer Maltin esperjenzaw illum.
“Il-Kumpanija rreġistrat telf ta’ kapaċità fis-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’daqqa għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu. Il-provvista tal-elettriku f’għadd ta’ lokalitajiet inqatgħet mill-ewwel permezz ta’ proċedura ta’ protezzjoni awtomatika biex tibbilanċja d-domanda u l-provvista u tevita li tintefa s-sistema kollha. It-tnaqqis fil-kapaċità seħħ meta ntfew it-transformers tal-Malta-Italy Interconnector minħabba diffikultà teknika waqt ħidma ta’ manutenzjoni skedata fit-Terminal Station ta’ Enemalta f’Ragusa.
Fi ftit minuti, Enemalta talbet żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-impjanti ta’ emerġenza tagħha f’Delimara, mill-magni li qed jaħdmu bil-gass fl-impjant Delimara 3 (Delimara 3 Power Generation Ltd) u mill-impjant il-ġdid Delimara 4, li bħalissa jinsab għaddej bl-aħħar testijiet qabel jiġi kkummissjunat.
Permezz ta’ din il-kapaċità, il-provvista tal-elettriku lill-maġġoranza tal-klijenti ngħatat lura fi ftit minuti. Fil-fatt, ħafna mill-inħawi kellhom is-servizz lura f’inqas minn 30 minuta. Is-sistema tad-distribuzzjoni ġiet mixgħula b’mod progressiv biex jiġi evitat li jkun hemm diffikultajiet oħra. F’inqas minn 50 minuta s-servizzi kollha kienu lura għan-normal.
Il-provvista tal-elettriku setgħet tingħata lura fi żmien qasir hekk kif Enemalta issa għandha għadd ta’ sorsi ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li tista’ tixgħel malajr b’mod effiċjenti.
Fil-fatt, malli Enemalta talbet għal żieda fil-ġenerazzjoni, din ingħatat mill-ewwel mill-impjanti Delimara 3 u Delimara 4, sabiex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis fil-provvista mill-Interconnector.
Aktar stħarriġ dwar il-kawża ta’ din l-emerġenza għadhom għaddejjin.
Enemalta plc tixtieq tirringrazzja lill-ħaddiema kollha tagħha li stinkaw biex jagħtu lura l-provvista lill-klijenti fl-inqas ħin possibbli. Waqt li jiddispjaċiha għal kull inkonvenjent, il-Kumpanija tixtieq ukoll tirringrazzja lill-klijenti tagħha għall-kooperazzjoni tagħhom waqt din id-diffikultà.
Il-Kumpanija ittenni l-impenn tagħha li tkompli taħdem biex tiżgura taħlita ta’ sorsi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku effiċjenti, affidabbli u bl-inqas impatt ambjentali, waqt li ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku biex tnaqqas ir-riskju ta’ qtugħ fis-servizzi tal-elettriku lill-klijenti.”