Matul il-lejl li għadda, aktar minn ħamsin tekniku, inġiniera u aġent tal-customer care tal-Enemalta wieġbu għal disgħa każijiet ta’ tfixkil fin-netwerk tal-provvista tad-dawl f’diversi lokalitajiet, fosthom in-Naxxar, Ħal Qormi, Iż-Żurrieq, il-Mellieħa, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ u l-madwar.
Il-biċċa l-kbira tal-interruzzjonijiet kienet ikkawżata minn ħsarat fil-kejbils taħt l-art. Biex jissewwew, dawn jeħtieġu xogħlijiet ta’ lokazzjoni tal-ħsara bl-użu ta ‘ tagħmir speċjalizzat, tħaffir ta’ trinek fit-toroq biex jinkixfu l-kejbils bil-ħsara u t-tqegħid ta’ kejbils ġodda.
Fil-biċċa l-kbira tal-lokalitajiet, il-klijenti reġgħu ġew imqabbda man-netwerk permezz ta’ konnessjonijiet oħra fl-istess żona.
Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li x-xogħol li beda jsir, bħala parti minn pjan ta’ sitt snin għat-tisħiħ tan-netwerk, kien kruċjali biex il-kumpanija irrispondiet għad-diffikultajiet esperjenzati f’dawn l-aħħar jiem.
Madanakollu, f’xi każijiet, ħsarat diversi fl-istess żona ma ppermettewx ir-restawr tal-provvista permezz ta’ konnessjonijiet alternattivi. F’wieħed minn dawn il-każijiet ilbieraħ filgħaxija, l-Enemalta rreġistrat ħames ħsarat f’kejbil f’partijiet differenti taż-Żurrieq, f’temp ta’ ftit sigħat. Ix-xogħlijiet biex jissewwew dawn il-ħsarat għadhom għaddejjin, u se jitlestew mill-aktar fis.
L-Enemalta qalet li se tkompli twettaq ix-xogħlijiet meħtieġa biex terġa’ tiġi stabbilita l-flessibbiltà tan-netwerk u reżiljenza fiż-żoni milquta matul illum.Sadanittant, interruzzjonijiet qosra fil-provvista jistgħu ikunu meħtieġa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona qal li l-Enemalta tifhem kemm hu kruċjali li l-Enemalta jkollha l-aktar reazzjoni mgħaġġla possibbli, u għalhekk issaħħu t-timijiet tekniċi.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/07/19120638/85ade341-f784-4b01-a2f4-bd09b3d39dc0-1-1024x576.jpg)
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/07/19120816/80b3f48f-acaf-4fd9-b60e-781b7fe24067-1-1-576x1024.jpg)