Enemalta ħarġet sejħa għall-offerti għall-iżvilupp ta’ ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fis-Siġġiewi; wieħed minn erba’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda li se jsaħħu s-servizzi tal-elettriku f’Malta u Għawdex matul is-sitt snin li ġejjin.
Dan iċ-ċentru se jintroduċi żieda fil-kapaċità u l-affidabbiltà fin-netwerk tal-elettriku li se jkun qed jissuplixxi lill-klijenti fis-Siġġiewi, f’Ħaż-Żebbuġ, f’Ħal Qormi, fiż-Żurrieq, fil-Qrendi, fl-Imqabba u aktar inħawi fil-madwar.
Waqt żjara li għamlet f’wieħed miċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-kumpanija f’Ħal Kirkop, fejn segwiet lit-tekniċi u l-inġiniera tal-Enemalta waqt xogħol ta’ manutenzjoni u ttestjar, Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli enfasizzat l-importanza ta’ dan l-investiment.
Qalet, “Fejn jidħlu distribution centres ġodda, l-EneMalta ħarġet sejħa għal ċentri ta’ distribuzzjoni fis-Siġġiewi u għaddej ix-xogħol ukoll b’ritmu tajjeb ħafna għal ċentru ta’ distribuzzjoni fin-Naxxar, fejn hemmhekk tqiegħdu ammont kbir ta’ cables biex ikunu lesti għal dan iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid ħalli mbagħad ikun jista’ wkoll iwassal id-dawl għal-lokalitajiet tal-madwar.”
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-kumpanija, Ryan Fava spjega kif iċ-ċentru tad-distribuzzjoni l-ġdid tas-Siġġiewi se jinkludi żewġ transformers, żewġ kmamar għall-iswitchgear u tagħmir ieħor ta’ kontroll u protezzjoni.
Qal, “Apparti dan ukoll hemm xogħlijiet għaddejjin fuq ċentri ta’ distribuzzjonijiet oħra fost is-St Andrews DC u wkoll dak tal-Imsida sabiex intejbu r-reżiljenza tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.”
Enemalta għadha kemm poġġiet aktar minn tmintax-il kilometru mit-tletin kilometru ta’ cables meħtieġa biex jissupplixxu dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni u biex iwassal l-elettriku f’diversi substations fin-Naxxar, il-Mosta, l-Għargħur u żoni oħra fil-qrib.
Il-kumpanija qed tpoġġi aktar minn sebgħin kilometru ta’ cables ġodda ta’ ħdax-il kilovolt f’lokalitajiet differenti biex iżżid konnessjonijiet alternattivi li jgħaqqduhom ma’ ċentri tad-distribuzzjoni u substations differenti.
Fil-ġimgħat li ģejjin se jibdew ukoll xogħlijiet ta’ cables fin-Nadur u f’lokalitajiet oħrajn.