Jason Azzopardi, li issa qed jitlob il-ftuħ ta’ inkjesti bħall-pastizzi, talab inkjesta marbut mal-operat tal-Awtorità tal-Artijiet, Awtorità li politikament kien responsabbli hu fi żmien il-Gvern ta’ GonziPN u tgħidx kemm hemm dellijiet dwaru.
Il-gazzetta KullĦadd żvelat skandlu marbut ma’ proprjetà mal-baħar f’Tal-Pietà. Il-proprjetà inkwistjoni tinsab fi Triq il-Marina u Azzopardi, meta kien fil-Kabinett ta’ Gonzi, bl-Awtorità għall-Artijiet taqa’ taħtu, taha lil ċertu wieħed li jiġu ħu Dino Bonnici. Dan permezz ta’ encroachment stramb li hemm id-dubji kif saret għaliex Dino Bonnici, Kunsillier Nazzjonalista fiż-Żurrieq kien jaħdem fis-Segretarjat ta’ Jason Azzopardi anki fi żmien li sar l-encroachment.
Fil-fatt dan l-encroachment sar kif bdiet toqrob l-elezzjoni ġenerali tal-2013, fi żmien it-taqlib politiku li kellu Lawrence Gonzi fejn Jason Azzopardi kien ta’ spalla għalih. Gawda ħu Dino Bonnici, li jismu Mauro u każ stramb għax huwa encroachment fuq dar li mhux normalment issir, aktar u aktar proprjetà mal-baħar.
Il-gazzetta KullĦadd irrapportat kif il-każ jibqa’ relevanti sal-lum għaliex sal-lum baqgħu ma tħallsux mal-€21,000 pendenti fuq din il-proprjetà b’potenzjal u li tinsab f’qagħda strateġika f’Tal-Pietà. Dino Bonnici, li ħuh gawda u ħa din il-proprjetà, jikteb ħafna u jappoġġja lil Jason Azzopardi meta dan jinfexx f’attakki fuq esponenti tal-Gvern. Dan Bonnici għandu wkoll fedina penali mittiefsa b’rekord kriminali hekk kif kien instab ħati ta’ serq. Jirriżulta li kien seraq handbag b’mobile u camera minn stabbiliment f’Paceville, filwaqt li hu anki qrib in-nies ta’ Austin Gatt.
Dak li ħareġ bil-Blueheroes u għadu jiddetta l-aġenda tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, qabad jitlob il-ftuħ ta’ inkjesti għax skontu għandu l-provi għal allegazzjonijiet li qed jagħmel. Jason Azzopardi issa qed jitlob inkjesta fuq awtorità li meta kien politikament responsabbli minnha kienet mifnija bi skandli. Saħansitra ġudikant fil-Qorti kien talab li Jason Azzopardi għandu jerfa’ responsabbiltà politika għal mod kif l-art tal-Lowenbrau ngħatat fi żmien li Jason Azzopardi kien Segretarju Parlamentari responsabbli mill-artijiet.
Dak iż-żmien l-art tal-Lowenbrau li kienet stmata tiswa €8 miljun, ingħatat lil Żaren Vassallo għas-somma biss ta’ ftit aktar minn €700,000. L-Imħallef Anthony Ellul kien iddikjara fil-Qorti li Jason Azzopardi għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika. Dan f’kawża ta’ libell li Jason Azzopardi tilef kontra dak iż-żmien kien il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici meta dan tal-aħħar sostna li Jason Azzopardi uża l-influwenza politika tiegħu biex l-art tal-Lowenbrau ngħatat biċ-ċiċċri lil Żaren Vassallo.
Dikjarazzjoni li fuqha Jason Azzopardi tilef u ħareġ aktar kif l-iskandli marbuta mal-Awtorità tal-Artijiet qegħdin fuqu. Bħall-esproprajazzjoni tal-art tal-Fekruna. Skandlu ieħor li bid-deċiżjoni ta’ Jason Azzopardi, tlett ijiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 li l-Partit Nazzjonalista tilef, il-poplu tilef mal-miljun ewro. Dan it-telf għad-dannu tal-poplu Malti, iddikjarah l-Awditur Ġenerali li sab deċiżjoni oħra marbuta ma’ skandlu ta’ Jason Azzopardi, illum l-Avukat tal-għaqda Repubblika.