Kumpaniji li fil-konfront tagħhom hemm numru ta’ allegazzjonijiet dwar ksur tad-drittijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu bħala food couriers u li sar strajk dwarhom, mhux se jkunu jistgħu jimpjegaw u jġibu ħaddiema barranin f’pajjiżna sakemm titlesta investigazzjoni minn Jobs Plus u entitajiet oħra.
Ħabbar dan il-Ministru Byron Camilleri fil-Parlament ftit tal-ħin ilu hekk kif ipprovda dettalji dwar laqgħa li saret aktar kmieni llum bejn il-ħaddiema li semmgħu leħinhom dwar il-kundizzjonijiet tal-food couriers flimkien mar-rappreżentanti tal-Jobsplus u d-DIER.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif f’din il-laqgħa kien hemm parteċipazzjoni ta’ numru ta’ ħaddiema li lkoll waslu l-pożizzjonijiet tagħhom b’mod frank.
Camilleri kkonferma kif il-JobsPlus u entitajiet oħra se jkunu qed jiskattaw b’investigazzjoni filwaqt li l-kumpaniji li ġie rrappurtat l-allegat abbuż kontra tagħhom mhux se jitħallew li jimpjegaw aktar ħaddiema jew jippruvaw iġibu aktar ħaddiema minn barra f’dan il-perjodu sakemm ikun hemm l-investigazzjoni.
“Fil-konfront ta’ employers li hemm allegazzjoni fil-konfront tagħhom mhux se jkun aċċettat li jimpjegaw aktar ħaddiema jew inkella jippruvaw iġibu aktar ħaddiema minn barra f’dan il-perjodu sakemm ikun hemm investigazzjoni u jekk hemm xi ħaddiem jew ħaddiema li qed jagħmlu allegazzjonijiet u nifhem li jista’ jkun li f’dan il-perjodu ma jkunux komdi jaħdmu ma’ dan l-employer se naraw li jkunu qed jirċievu l-assistenza kollha possibbli sabiex jekk hemm bżonn li jitolbu li jkun hemm change of employer jirċievu l-assistenza li hemm bżonn.”