Tressqu l-Qorti Kurt Grech ta’ 23 sena, magħruf bħala ‘tan-nemes’ u missieru Joseph Grech ta’ 53 sena wara li ġew arrestati mill-pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Brandon Pace, tal-Gallali, li seħħ nhar il-Ħadd fil-Ħamrun. L-akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Fl-awla l-missier, li flimkien ma ibnu qed jiġi akkużat bi qtil volontarju, deher imbikkem. Preżenti għas-smigħ hemm ukoll oħt Brandon Pace, il-vittma ta’ dan il-qtiel.
F’dan l-istadju d-difiża ma resqitx it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Id-difiża qalet li mhux se tkun qed tagħmel din it-talba qabel ma tinġabar il-kumpilazzjoni kollha u tiġi konkluża l-inkjesta.
Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà taż-żewġ imputati, fuq suġġeriment tad-difiża, l-akkużati se jinżammu fis-sezzjoni forensinka tal-isptar Monte Carmeli hekk kif fil-ħabs ta’ Kordin hemm żewġ membri tal-vittma, jiġifieri ta’ Brandon Pace.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Monica Vella. Il-Prosekuzzjoni imexxiha mill-Ispettur Keith Arnaud dehret tiddiskuti fit-tul mal-Maġistrat.
Il-vittma ta’ 21 sena, inqatel wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina u madum quddiem ommu u s-sieħba tiegħu. Qed jiġi allegat li Kurt Grech, kien qed jilmenta li Pace kien qed jistma ħażin lil ibnu. L-argument beda fuq it-telephone sakemm eskala tant li Grech, ommu u missieru marru fuq il-post fil-qasam tad-djar tal-Ħamrun il-Ħadd filgħaxija.
Hemm kien hemm ġlieda bis-skieken u l-madum li minnha ħareġ l-agħar Pace li miet f’idejn oħtu. L-allegati agressuri ħarbu minn fuq il-post. Madwar siegħa u nofs wara kienu arrestati. Fid-depot kienet interrogata ukoll l-omm.