Simon Busuttil qabad diska ġdida. Peress li lanqas ta’ madwaru m’huma jemmnu li huwa l-aħjar għalihom, issa qed jgħid li jista jkun “aħjar minn tal-Labour”. Ejja, għal darba, intuh il-benefiċċju tad-dubju u nistudjaw ftit din ix-xewqa tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Biex ha jkun aħjar minn dan il-Gvern? L-ewwel ħa naraw x’materjal għandu.
Se jkun aħjar għal dan il-pajjiż bih Prim Ministru minflok Joseph Muscat? B’Beppe Fenech Adami minflok Louis Grech bħala Deputat Prim Ministru? B’Claudette Buttigieg Ministru għas-Saħħa minflok Chris Fearne?
B’Antoine Borg minflok Edward Zammit Lewis bħala Ministru għat-Turiżmu? B’Jason Azzopardi flok Owen Bonnici fil-Ġustizzja? B’Therese Comodini minn Brussels tieħu post Evarist Bartolo fil-Ministeru għall-Edukazzjoni?
Il-lista tista’ tkompli. U n-nies jistgħu jiġġudikaw waħedhom lil min jafdaw l-iktar bejn iż-żewġ naħat.
Fuq l-ewwel waħda diġa korrejna. Imma ejja nimxu pass ieħor. Biex ħa jkun aħjar minn dan il-Gvern? Ħa naraw x’miżuri jieħu kieku jkollu ċ-ċans ikun aħjar mil-Labour.
Simon Busuttil fit-tmexxija tal-pajjiż ikun ifisser li jibqa juża ż-żejt għaliex ma jemminx li għandna nħaddmu powerstation ġdida li taħdem bil-gass. Għalhekk tfisser ukoll li ma jistax iwaqqa ċ-ċumnija l-antika ta’ Dellimara kif se jagħmel dan il-Gvern u ma jistax jitfi l-powerstation tal-Marsa kif diġa għamel dan il-Gvern.
L-Enemalta jerġa’ jifniha bid-dejn għaliex Simon Busuttil jibża miċ-Ċiniżi, kien qalilna. Il-kontijiet tad-dawl jerġa’ jgħidilna li rridu nidrawhom għoljin.
Dan li ħa jkun “aħjar mil-Labour” iwaqqaf il-proġetti tal-isptarijiet ġodda, li jfisser li nerġgħu nispiċċaw bil-pazjenti fil-kuruduri fl-Isptar Mater Dei. Nerġgħu wkoll lura għall-problema tal-mediċini out-of-stock għaliex Simon Busuttil jemmen li anke tal-grocer ikollu affarijiet out-of-stock.
Tinsewx, Simon Busuttil iżid il-bolla tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem biex ikun jista’ jaffordja t-tieni pillastru tal-l-pensjonijiet. Mhux bħal lum, għolew għall-ewwel darba f’25 sena mingħajr ma daħal it-tieni pillastru ta’ bilfors.
Dan li ħa jkun “aħjar mil-Labour” iwaqqaf il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment għaliex skont hu jipprostitwixxi lil Malta. Iwaqqaf ukoll l-Universita Amerikana f’Malta li ħa ġġib lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta investiment li qatt ma rat bħalu. Minflok, lil tas-South se jkabbrilhom l-art li tokkupa l-Freeport, ovvjament f’ODZ.
Simon Busuttil iwaqqaf l-istipendju li llum beda jingħata lill-istudenti li jirrepetu sena għaliex kien iddikjara ċar u tond li ma jaqbilx miegħu. Jerġa jiddeċiedi li l-koppji omosesswali ma jtihomx id-dritt taż-żwieġ.
Dan jerġa jagħti l-preskrizzjoni lill-politiċi fuq reati ta’ koruzzjoni. Jerġa’ jneħħi l-protezzjoni lil min jikxef il-koruzzjoni bħala whistleblowers. Jerġa jaħdem mingħajr liġi għal finanzjament tal-partiti politiċi kif diġa għamel bl-iskema ta’ dejn sigriet fil-Partit Nazzjonalista.
Nimmaġina li jieħu lura wkoll il-flus li ngħataw lura lill-konsumaturi talli ħallsu taxxa żejda fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Kien sejħilha koruzzjoni din ir-rifużjoni. U fuq kollox, Simon Busuttil jerġa jippermetti xogħol privat imħallas mill-fondi pubbliċi ġaladarba jkun fil-Gvern u l-Partit Nazzjonalista ma jkunx tilef l-elezzjoni ġenerali.
Dawn kienu ftit mill-affarijiet li qal Simon Busuttil stess. Mhux interpretazzjoni imma kliemu preċiż. Hekk ħa jkun “aħjar minn tal-Labour”. Nistħajjel lil kulħadd joħroġ b’risposta sempliċi – ‘le grazzi’.
Kapaċi tkun better mintiex. Tinqala aktar biex tkun bitter.
Lil ta’ madwaru, mhux li “nista nkun aħjar” messu jgħidilhom imma li “jekk ma nilgħabx, inħassar”. Kif jgħidu fil-football, jekk ma tistax tilgħab il-ballun, tilgħab ir-raġel.
Hekk, ta’ madwaru, jemmnuh żgur.