Emmanuel Macron ilbieraħ ġie elett bħala President ta’ Franza. Huwa kiseb mandat ċar hekk kif huwa ġab 66.1% tal-voti filwaqt li Marine Le Pen ġabet 33.9% tal-voti.
Dan ifisser li issa Macron huwa l-iżgħar President fl-istorja politika ta’ Franza fl-età ta’ 39 sena. Kienu madwar 48 miljun persuna li kienu eliġġibbli li jivvottaw fl-elezzjoni Presidenzjali Franċiża.
Huwa ħalef li se jkun qed jiġġieled il-“forzi tal-firda” li qed jimminnaw lil Franza” filwaqt li appella lill-votanti ta’ Le Pen li issa mhux se jibqalhom ebda raġuni biex jivvottaw lill-estremisti.
Il-President il-ġdid ta’ Franza qal li issa bdiet paġna ġdida fl-istorja ta’ dan il-pajjiż. Assigura liċ-ċittadini tiegħu li se jkun qed jiggarantixxi li l-pajjiż jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea filwaqt li se jaħdem għal aktar għaqda.
Issa li l-President huwa elett se jiskatta l-proċess li fih l-elettorat se jkun qed jeleġġi madwar 550 membru parlamentari.