Is-sena li għaddiet kienu rreġistrati kważi elfejn u mitejn isem differenti għal eluf ta’ tfal li twieldu f’pajjiżna.
Għat-tieni sena konsekuttiva Noah kien l-iktar isem popolari għall-ulied subien filwaqt li l-isem Emma ħa post Emily f’dawk li huma l-iktar ismijiet popolari għall-bniet.
Noah huwa isem mill-Ebrajk li jfisser mistrieħ u hu wieħed mill-ismijiet b’influwenza biblika fejn jingħad li Alla għażel lil Noah biex jibni l-arka u jimlieha b’ikel u annimali biex isalvaw minn għarar.
L-isem Emma huwa isem Ingliż li ġej mill-kelma antika Ġermaniża għal xi ħaġa sħiħa jew universali.
Mill-iktar tlieta popolari tas-sena l-oħra spiċċaw barra Emily u Sophia għall-bniet u Alexander u Samuel għas-subien. Minflok kienu Mia u Valentina t-tieni u t-tielet l-iktar ismijiet popolari għall-bniet filwaqt li fil-każ tas-subien kien hemm Luca u Liam.
Interessanti li għal darboħra, l-ismijiet doppji reġgħu kienu popolarissimi. Ngħidu aħna l-isem Emma nsibuh ukoll Emma Jade, Emma Kate, Emma May u Emma Ruby. L-istess l-isem Noah li nsibuh Noah Ġużè, Noah Mohamed u Noah Arthur fost oħrajn. Għall-bniet isem popolari ieħor kien dak ta’ Julia.
Fil-lista tal-ismijiet tidher evidenti wkoll l-influwenza tan-numru ta’ barranin fostna partikolarment dawk Taljani. Giulio, Giorgio, Gloria, Federica u ħafna oħrajn insibuhom kollha fost l-ismijiet ġodda f’pajjiżna din is-sena.